Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IT-TQEGĦID TAL-EWWEL ĠEBLA TAL-KAMPUS IL-ĠDID TAL-MCAST F’RAĦAL ĠDID - IL-ĦAMIS, 24 TA’ MEJJU 2012

pr1173
Date Icon 24/05/2012

Illum hi okkażjoni importanti għalikom l-istudenti u ż-żgħażagħ flimkien mal-ġenituri tagħkom, għall-ħaddiema, għas-sidien tan-negozji żgħar u medji u għall-industrijalisti f’pajjiżna.  Qegħdin flimkien nassistu għal avveniment li hu riżultat ta’ strateġija ħolistika ta’ Gvern. Qegħdin flimkien inwettqu parti oħra mill-viżjoni u l-istrateġija li minnha jgawdi l-poplu kollu. Kemm il-ġenerazzjoni preżenti, kif ukoll dawk futuri.

F’din l-okkażjoni tat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-Kampus il-ġdid tal-MCAST, qegħdin ingawdu l-frott ta’ deċiżjonijiet u għażliet kruċjali li l-Gvern, flimkien mal-poplu Malti u Għawdxi, ħa fis-snin li għaddew. Qegħdin, minn dan il-frott, niżirgħu ż-żerriegħa li minnha qiegħed jissawwar ġejjieni promettenti għaż-żgħażagħ u l-poplu tagħna.

L-okkażjoni tal-lum m’għandhiex titqies bħala okkażjoni iżolata minn deċiżjonijiet kruċjali, li ħadna flimkien fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.

L-MCAST twaqqaf għaxar snin ilu meta f’pajjiżna kien għaddej dibattitu intern jaħraq dwar jekk kellniex nissieħbu fl-Unjoni Ewropea jew le. Għażilna li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea u fl-2004 sirna membri. L-MCAST seta’ jikber kif kiber matul l-għaxar snin li ilu mwaqqaf, anki b’riżultat tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea għaliex iddeċidejna li fondi Ewropej ninvestuhom ukoll f’faċilitajiet moderni għall-istudenti u għall-ħaddiema li jsegwu korsijiet fl-MCAST.

L-investiment ta’ €120 miljun li qed nagħmlu issa f’Kampus ġdid biex jilqa’ 10,000 student u studenta full-time qiegħed ukoll isir b’fondi tal-Unjoni Ewropea.

Fl-2007 il-Gvern nieda l-Viżjoni 2015.  F’din il-viżjoni identifikajna setturi li ridna naħdmu fuqhom biex f’pajjiżna jkollna aktar tkabbir ekonomiku u jinħolqu aktar impjiegi għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema, b’pagi tajbin. Bdejna nwettqu din il-viżjoni mibnija fuq seba’ pilastri – is-servizzi finanzjarji, l-ICT, l-edukazzjoni, is-saħħa, it-turiżmu, il-valur għoli miżjud u Għawdex bħala gżira ekoloġika. Fl-4 snin li għaddew mill-MCAST temmew l-istudji tagħhom b’suċċess 8,800 żagħżugħ u żagħżugħa li l-parti l-kbira tagħhom sabu impjieg fl-oqsma ekonomiċi li ħdimna fuqhom f’din il-Viżjoni. B’sodisfazzjon niltaqa’ magħhom fuq il-post tax-xogħol u jitkellmu b’entużjażmu dwar dak li kisbu permezz tal-MCAST.

Flimkien mas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea u l-Viżjoni 2015 norbot il-politika edukattiva u industrijali ta’ pajjiżna. Għarafna l-ħtieġa li ninvestu fin-nies tagħna u noffru opportunitajiet – permezz ta’ korsijiet mifruxa f’dixxiplini diversi – sabiex kulħadd ikun jista’ jiżviluppa l-ħiliet tiegħu. Fl-istess ħin ħdimna wkoll, flimkien mal-investituri f’pajjiżna, sabiex, minkejja l-isfidi kbar li kellna tul dawn l-aħħar snin, ittrasformajna l-ekonomija tagħna b’mod li toffri impjiegi ta’ valur miżjud aktar għoli f’oqsma ġodda.  

Konna kapaċi nħaddmu din il-politika industrijali għaliex għandna istituzzjoni bħall-MCAST li tħarreġ liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema u tgħinhom jirnexxu fl-għażliet li jagħmlu u fil-ħiliet li jirriflettu l-ħtiġijiet ġodda tal-industrija. Każ klassiku ta’ dan huwa l-qasam tal-manutenzjoni tal-ajruplani. Settur li llum iħaddem aktar minn elf ruħ, b’potenzjal ta’ espansjoni fiż-żmien li ġej. 

Il-varjetà li teżisti fl-istituti tal-MCAST, flimkien mal-korsijiet offruti, jirriflettu d-diversifikazzjoni u d-dinamiżmu tal-ekonomija tagħna. Il-fatt li riċentement, l-MCAST fetaħ istitut ieħor - dak tax-Xjenza Applikata - juri biċ-ċar li d-direzzjoni li qed jieħu l-MCAST timxi id f’id mal-viżjoni industrijali li fassalna għal pajjiżna, fejn qegħdin nifirxu f’oqsma ġodda u speċjalizzati bħalma huma il-bioteknoloġija, ix-xjenza ambjentali, u l-farmaċewtika.  

Ix-xhieda ta’ tant investituri li jikkonfermaw kemm l-MCAST hu kapaċi li fi żmien qasir ifassal korsijiet li jirriflettu l-ħtiġijiet kurrenti u futuri tagħhom hi impressjonanti.

Bis-sinerġija bejn l-istrateġiji li semmejt insiġna ħabel b’saħħtu li żamm lil pajjiżna ankrat u reżiljenti quddiem il-burraxki li konna esposti għalihom tul dawn l-aħħar snin. Li kieku kien hemm wieħed minn dawn l-elementi – is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Viżjoni 2015, l-Edukazzjoni u l-Investiment – assenti jew dgħajjef, dan il-ħabel kien jinqata’ u konna nitkaxkru mal-kurrent kif ġara f’pajjiżi oħra. Għall-kuntrarju Malta għandha riżultati pożittivi fir-rata ta’ tkabbir tal-impjiegi u f’4 snin inħolqu 20,000 impjieg u għandna rata baxxa ta’ qgħad u l-ħaddiema Maltin huma l-anqas li jħallsu taxxi fuq l-impjieg fl-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern dejjem insista, bil-kliem u bil-fatti, li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta li twassal mhux biss għall-impjiegi, iżda għal titjib fil-kwalità tal-ħajja. Għalhekk hu inkoraġġanti li barra studenti żgħażagħ, l-MCAST iħaddan ukoll numru dejjem jikber ta’ ħaddiema, b’mod partikulari fil-korsijiet part-time. Dan kollu hu marbut mal-fatt li l-viżjoni tal-Gvern għal dan il-pajjiż hi li kull min irid jistudja u jinvesti fih innifsu għandu jkollu kull opportunità biex jagħmel hekk.

Hawnhekk bilfors wieħed irid jammira l-fatt li l-MCAST hija istituzzjoni li qiegħda toffri firxa ta’ korsijiet vokazzjonali f’livelli differenti kif ukoll f’dixxiplini diversi. Nieħu gost nisma’ lil studenti li daħlu jistudjaw f’livell bażiku u rnexxielhom ikomplu għal kwalifiki aktar għoljin, u hemm min kompla anki għal-livell ta’ baċellerat. Is-sodisfazzjon tagħkom hu s-sodisfazzjon tagħna wkoll.  Aħna rridu nkabbru u ninkoraġġixxu s-suċċess tagħkom iż-żgħażagħ u l-ħaddiema. 

Nirringrazzja lil kull min ħadem sabiex wasalna fejn qegħdin illum. Lill-poplu Malti fl-għażliet kruċjali li għamilna fl-interess nazzjonali. Nirringrazzja lil dawk involuti fl-industrija tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-iżvilupp tal-MCAST. Nirringrazzja lil kull min, matul dawn l-għaxar snin minn mindu twaqqaf l-MCAST, ħadem sabiex din l-istituzzjoni fjorixxiet fis-suċċess li hi llum – Louis Galea li kien Ministru tal-Edukazzjoni, presidenti, prinċipali, gvernaturi, lecturers u staff li b’ħidmiethom stinkaw sabiex joffru l-aħjar edukazzjoni lill-istudenti tagħna. Nagħti prosit lill-istudenti tagħna u nħeġġiġhom li jħajru lil żagħżagħ u ħaddiema oħrajn li jkomplu bl-istudji u t-taħriġ tagħhom. Inħeġġiġhom biex ikomplu jkunu xhieda tal-kwalità tar-riżors uman Malti kemm fl-industrija Maltija, kif ukoll f’postijiet tax-xogħol u istituzzjonijiet edukattivi barra minn xtutna meta jkunu qed jagħmlu esperjenza ta’ taħriġ f’pajjiż ieħor kif qed ikollhom opportunità jagħmlu studenti tal-MCAST.

Permezz tal-MCAST qed insaħħu l-innovazzjoni, il-kreattività u s-sens ta’ intrapriża fost iż-żgħażagħ u l-ħaddiema. Irridu li ż-żgħażagħ tagħna permezz tal-ħiliet li jiżviluppaw joħolqu l-ġid u x-xogħol għalihom infushom u għal ħaddieħor.

Qed ninvestu f’Kampus ġdid. Għalina l-edukazzjoni mhix il-bini iżda hi l-esperjenza li tgħaddu minnha intom iż-żgħażagħ u l-ħaddiema waqt li tkunu qed tistudjaw u titħarrġu fl-MCAST. Għalina r-riżultat tal-MCAST jiġi mkejjel ukoll mis-suċċess tagħkom iż-żgħażagħ u l-ħaddiema. Suċċess mibni fuq l-għażliet u l-opportunitajiet edukattivi u ta’ xogħol.

Illum qed nagħmlu pass ieħor importanti fl-istrateġija tagħna favur iż-żgħażagħ, favur il-ħaddiema, favur il-familji tagħna. 

Qed nagħmlu proġett ieħor li bis-saħħa tiegħu ż-żgħażagħ u l-ħaddiema jidħlu f’impjieg b’pagi tajbin.

Dan hu proġett edukattiv, ekonomiku u li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ min jagħżel li jidħol hawn.

B’fiduċja fiż-żgħażagħ u l-ħaddiema qed insawru l-preżent u l-ġejjieni ta’ pajjiżna.

Illum qed inqegħdu l-ewwel ġebla tal-Kampus il-ġdid, iżda fl-aħħar mill-aħħar, dak li hu għal qalbna hu li qed ninvestu fin-nies. Li qed ninvestu fikom. Din kienet, u dejjem tibqa’ l-mira ta’ dan il-Gvern. 

Jiena nawgura li, permezz ta’ dan il-Kampus il-ġdid, l-MCAST ikollu ġejjieni glorjuż daqs, u aktar ukoll, mill-passat tiegħu stess għall-ġid tal-istudenti, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow