STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jirreferi għall-konferenza stampa tal-Onor. Helena Dalli.
Il-mod kif qed issir is-sejħa għall-offerti għall-impjant tat-tindif tal-vapuri fil-faċilita’ ta’ Ricasoli huwa preċiż skont il-proċedura li titlob l-liġi li tirregola kif il-Gvern jista’ jiddisponi mill-art u cioe d-Disposal of Government Land Act, Kapitolu 268 tal-liġijiet ta’ Malta. Din qed issir b’sejħa pubblika għall-offerti. Hu kkontemplat li l-art tingħata b’ċens (emphyteutical deed) għall-30 sena.
Din il-proċedura ta’ kif tiġi trasferita art tal-Gvern issir b’mod regolari mid-Diviżjoni tal-Artijiet. Din is-sena biss ġew trasferiti aktar minn 70 biċċa art b’din il-proċedura ta’ offerti pubbliċi. L-artijiet li jiġu trasferiti permezz ta’ riżoluzzjoni fil-Parlament huma l-eċċezzjoni.
Huwa minnu li fil 2008 il-Gvern kien iddikjara li r-rotta preferita kienet sabiex din l-attivita titneħħa mir-Ricasoli. Tant hu hekk li f'Diċembru 2008 Transport Malta kienet ħarġet "Request for Proposals for the Provision of a Port Reception Facility for Ship Generated Waste Oils." L-operaturi dak in-nhar kienu qed jintalbu li jieħdu r-responsabilita tal-operat tal-faċilita tar-Ricasoli għal sentejn biss u li jibnu huma faċilita oħra x'imkien ieħor u li jittrasferixxu l-operat tar-Ricasoli mir-Ricasoli għal post ieħor.
Kien hemm applikant wieħed biss li ssodisfa r-rekwiżiti kollha u li kien lest jipprovdi art minn fejn ikun jista jitmexxa l-operat li kien qed jitmexxa minn Rikasoli iżda għal raġunijiet tekniċi l-MEPA ma ħarġitx l-permessi neċessarji sabiex fuq din l-art tinbena din it-tip ta' faċilita’.
Sussegwentement Transport Malta kkummissjonat ditta ta’ konsulenti li jispeċjaliżżaw f’materji ambjentali sabiex jeżaminaw u jissottomettu “Site Selection Study” liema studju ikkonkluda li l-uniku sit illi seta jakkomoda ir-rekwiżiti kolla tal-MEPA kien fil-fatt is-sit eżistenti.
Għaldaqstant, kien ikun xieraq li qabel ma toħroġ tagħmel dawn l-akkużi pubbliċi, l-Onor Dalli kienet tivverifika l-fatti kif inhuma. Kieku għamlet dan kienet tiskopri li l-Gvern ma għamel ebda u-turn u kienet tiskopri li l-Gvern għandu obbligu legali internazzjonali li jipprovdi "Port Reception Facility" taħt il-MARPOL Convention. Minħabba li l-Gvern ħareġ RFP fejn huwa għamel rikjesta speċifika sabiex min jkun interessat joffri sit alternattiv u dak is-sit alternattiv ma ngħatax il-permess tal-MEPA, il-Gvern ma kellu ebda triq oħra ħlief li joffri s-sit eżistenti.
Dwar is-swar, tajjeb li l-Onorevoli Dalli tkun taf ukoll li sabiex l-impjant eżistenti ta’ Ricasoli jiġi moderniżżat u sabiex jkolllu l-anqas impatt possibbli fuq l-ambjent u l-popolazzjoni u dan skond ir-rekwiżiti internazzjonali hemm bżonn li jsir investiment sostanzjali. Għalhekk, u kif sar fi privatiżżazzjonijiet oħrajn li kienu ħdejn, qrib jew anki fis-swar, il-manteniment ta' dawn is-swar irid isir indipendentement minn ebda privatiżżazzjoni, issir mill-Gvern.Dawn huwa parti mill-ħidma tal-Gvern biex itejjeb il-kwalita tal-ħajja għall-familji ta’ din iż-żona. Kieku l-Gvern kellu ukoll jobbliga lil kull min jidħol għal din it-tip ta' nefqa qawwijja, sabiex imantni ukoll is-swar kieku ebda operator ma jidħol biex jagħmel offerta għat-tmexxijja ta' dawn l-azjendi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017