L-ISKEMA MICROCREDIT TGĦIN LILL-AKTAR NEGOZJI SABIEX IKOMPLU JINVESTU U JŻIDU L-IMPJIEGI
“L-inċentivi u l-iskemi li qed joffri l-Gvern għan-negozji ż-żgħar, huma għodda essenzjali sabiex dawn ikunu jistgħu jinvestu aktar flus fin-negozju tagħhom u b’riżultat ta’ dan issaħħu l-ekonomija Maltija u jiġġeneraw aktar impjiegi”. Dan qalu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi waqt żjara li kien qed jagħmel dalgħodu lill-kumpanija Studio Moda li tinsab f’San Ġwann. Din hija waħda mill-mijiet ta’ kumpaniji li bbenefikaw mill-iskema Micro Credit, skema li toffri self issussidjat b’rati baxxi u vantaġġuzi.
Il-Ministru Azzopardi qal li l-iskema s’issa diġà għenet aktar minn 250 sid ieħor ta’ negozju, li bejniethom isselfu madwar 23 miljun Ewro, bl-investiment totali kollu jammonta għal 35 miljun Ewro. L-iskema li hija amministrata mill-Bank of Valletta toffri self sa 500,000 Ewro.
Il-Ministru Azzopardi saħaq dwar l-importanza ta’ skemi oħra offruti mill-Gvern, fosthom il-Microinvest li kellha tiġi estiża minħabba d-domanda kbira li kien hemm. Għal din l-iskema, s’issa bbenefikaw minnha mal-1050 negozju. Dawn bejniethom iffrankaw 7.5 miljun Ewro fit-tnaqqis fi kreditu ta’ taxxa u ħolqu 247 impjieg ġdid. Il-Ministru qal li dan huwa Gvern li qed ikompli joħloq l-impjiegi fejn fl-aħħar 4 snin inħolqu 20,000 impjieg ġdid.
Studio Moda, hija kumpanija li ilha topera fis-settur tal-għamara u prodotti tad-dar għal dawn l-aħħar għoxrin sena.
Is-Sur Mark Borg, Direttur Maniġerjali ta’ Studio Moda, spjega kif il-kumpanija investit ukoll fi brand ġdida bl-isem ta’ The Kitchen Store. Din il-brand topera minn tlett ħwienet ewlenin, tnejn minnhom infetħu f'dawn fl-aħħar sentejn; wieħed f'Għawdex u l-ieħor f’Tas-Sliema filwaqt li l-ħanut ewlieni l-ieħor jinsab f’San Ġwann.
Is-Sur Borg qal li f’Awwissu tas-sena l-oħra, il-kumpanija bbenefikat ukoll mill-iskema Microinvest, fejn din ingħatat ċertifikat ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 20,000 Ewro. Huwa qal li grazzi għall-investiment li l-kumpanija għamlet biex setgħet tiftaħ żewġ ħwienet ġodda oħra, illum b’kollox timpjega 13-il ħaddiem u se tkun qed timpjega 4 ħaddiema oħra.
Il-Ministru Azzopardi faħħar l-inizjattiva li din il-kumpanija ħadet sabiex tkompli tikber u żżid l-impjiegi. Tenna wkoll dwar l-importanza li aktar negozji jużaw l-iskemi offruti mill-Gvern. Qal li l-iskema Microcredit, hija turija ċara li l-ekonomija f’pajjiżna hija waħda b’saħħitha, u dan jidher ċar fil-fiduċja li l-banek lokali għandhom fin-negozji Maltin u Għawdxin. Dan kollu qed iseħħ, meta negozji oħra Ewropej qed issibuha diffiċli li jkollhom aċċess finanzjarju f’pajjiżhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017