Left arrow Go Back

STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT U L-MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR

pr1157
Date Icon 23/05/2012

Dott Muscat jiddefendi min jikser il-liġi....u miegħu jbati ċ-ċittadin onest

Dott Muscat qed jiddefendi lil min iżomm it-taxxa li jkun ġabar mingħand il-konsumatur u ma jgħaddihiex lill-Gvern.  Bil-pożizzjoni ta’ Dott Muscat ibati ċ-ċittadin u s-sid ta’ negozju onest ta’ pajjiżna. 

Nhar il-Ħadd Dott Muscat qal li huwa skandaluż li madwar 120 persuna negozjant intbagħtu l-ħabs minħabba l-VAT. 

Qabel kollox, għandu jkun iċċarat li  bħalissa hemm 4 persuni li qegħdin il-ħabs minħabba ksur ta’ liġi b’rabta mal-VAT. Dan seħħ wara li dawn il-persuni jkunu ngħataw kull opportunità biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom, iżda baqgħu ma għamlux dan.   Skont il-ligi meta persuna tonqos li tħallas multa imposta mil-Qorti fiż-żmien determinat din il-multa tiġi konvertita f’ħabs. 75% tal-persuni li ntbagħtu l-ħabs ħallsu l-multa dovuta fl-ewwel jum jew wara l-ewwel ftit jiem tas-sentenza ta’ ħabs mogħtija lilhom.  Dan juri biċ-ċar li din isservi ta’ deterrent u b’hekk titwettaq ġustizzja anki ma’ min ikun ħallas il-VAT.

Bil-kummenti tiegħu, Dott Muscat qed jinkoraġġixxi lil min jikser il-liġi.  Dott Muscat qiegħed iwiegħed kollox lil kulħadd u għalhekk issa ddeċieda li jieħu pożizzjoni anki favur min ikun żamm il-VAT li jkun diġà ġabar u flok jgħaddiha lill-Gvern iżommha għalih.  Qed jieħu pożizzjoni favur min, li minkejja li jkun ingħata ċ-ċans biex iħallas il-VAT li ġabar xorta, ma jkunx għamel dan.  B’diskorsu Dott Muscat qiegħed jimmina lill-maġġoranza kbira tas-self-employed u s-sidien ta’ negozji li jħallsu l-VAT fiż-żmien li tkun dovuta.

Dott Muscat irid jgħabbi liċ-ċittadin onest li jħallas it-taxxa b’aktar piżijiet għaliex xi ħadd  jkollu jagħmel tajjeb għall-VAT li tkun inġabret imma ma għaddittx għand il-Gvern fil-ħin biex tintuża għas-servizzi fost l-oħrajn tas-saħħa, edukattivi u għall-anzjani.

Persuna titressaq il-Qorti bħala l-aħħar attentat wara li kull azzjoni oħra jkunu fallew. Tul din il-leġislatura, min waqa’ lura fi ħlas tal-VAT ingħata cans li jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu. Il-Gvern nieda Skema ta’ tnaqqis ta’ penali u mgħax li permezz tagħha individwi jew kumpaniji reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT ingħataw opportunità ta’ darba li filwaqt li jħallsu kull arretrati ta’ VAT dovuti, fl-istess ħin u taħt ċertu kundizzjonijiet jibbenefikaw minn tnaqqis, sa massimu ta’ tmenin fil-mija, fuq il-penali u l-imgħax.

Ta’ min ifakkar li matul din il-leġislatura l-Gvern ħa diversi miżuri biex itaffi l-penali, eżempju sar capping ta’ massimu ta’ €250 fuq kull perjodu ta’ taxxa. Barra minhekk fl-2009 il-Gvern naqqas l-imgħax minn 1% għal 0.75% fix-xahar. Il-Gvern qed jimplimenta wkoll emenda biex il-penali jkunu applikabbli biss fuq l-ammont dovut li jkun għadu pendenti. Qabel, il-liġi kienet tistipula li persuna li jkollha tħallas 100,500 Ewro f’taxxa, u filfatt tħallas 100,000 Ewro, teħel penali fuq l-ammont komplessiv. Din l-anomalija nbidlet biex l-penali japplikaw fuq il-500 Ewro biss.

Dott Muscat ma jafx kif jinħadmu l-imgħaxijiet u x’livelli ta’ mgħaxijiet jeżistu: Qed jgħid li din hi użura – l-imgħax fuq penali tal-VAT huwa ta’ 0.75% f’xahar, jew 9% f’sena, unsecured. Ebda bank ma jagħti lil negozju self, minajr business plan, garanzija u kundizzjonijiet oħra.  Meta wieħed ma jħallasx il-VAT ikun qed jibgħat lil Gvern jissellef għalih mit-taxxi ta' min hu onest. 

Dott Muscat żbalja anki meta tkellem dwar kif jaħdem is-settur bankarju u r-repayments.  Bil-kontra ta’ dak li qal Dott Muscat kull min għandu self minn bank jaf li meta tagħmel repayment l-ewwel jinqatgħu l-interessi akkumulati u xi charges imposti u mill-bilanċ jinqata’ l-kapital. Dan juri kemm Dott Muscat mhux preparat l-anqas fuq l-aktar prinċipji kummerċjali bażiċi.

Il-Gvern qed ikompli jinċentiva lis-sid ta’ negozju, b’għadd ta’ inizjattivi u skemi li jgħinuh jinvesti aktar, ifittex swieq barranin u jimpjega aktar nies. Dan qed jikkontribwixxi biex l-ekonomija Maltija kibret aktar mill-medja Ewropea fl-aħħar snin u ħolqot 20,000 post tax-xogħol ġdid f’4 snin.  Dott Muscat għal kuntrarju flok jitkellem dwar il-ħolqien tax-xogħol, jiddefendi lil min ikun żamm għandu flus li jkun ġabar mingħand ħaddieħor.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow