IL-KAROZZI F’PAJJIŻNA JISTGĦU JIBDEW JITĦADDMU BL-AUTO GAS – ARJA AKTAR NADIFA, LIVELL TA’ SAĦĦA AĦJAR
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino, illum ġie mistieden għat-tnedija tal-Autogas mill-kumpanija Liquigas. Auto Liquigas hu l-isem ta’ fjuwil li mil-lum jista’ jinxtara f’Malta minn dawk li għandhom vettura li tista’ tieħu l-Liquefied Petroleum Gas (LPG).
L-attività ta’ dalgħodu saret fit-Top Car Fuel Station li jinsab fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, f’Ħal Luqa. Dan hu l-ewwel stazzjon f’Malta li se jforni l-Auto Liquigas.
Il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino, faħħar din l-inizjattiva u saħaq dan il-pass ukoll għandu jgħin biex jitnaqqas dejjem aktar is-CO2 (Carbon Dioxide) u NO (nitrogen oxide) mill-arja. Hu kkalkulat li jekk 10% tal-karozzi tal-passiġġieri jikkonvertu għal din is-sistema ta’ fjuwil, sas-sena 2012, l-Europa tnaqqas 350 miljun tunnellata ta’ CO2. Huwa kkalkulat ukoll li fl-istess perijodu jkunu frankati €20 biljun f’external costs mill-Gvernijiet inkluż spejjeż tas-saħħa relatati mat-tniġġiż fl-arja, filwaqt li l-familji jkunu ffrankaw €41 biljun f’konsum.
L-Autogas huwa diġà użat minn aktar minn 7 miljun karozza fl-Ewropa. Dan kollu jgħin ukoll fil-miri tat-tnaqqis tal-gassijiet serra li l-Unjoni Ewropea fasslet li għandhom jintlaħqu sas-sena 2020.
Il-Ministru Pullicino qal li b’dan il-pass ta’ llum pajjiżna qed igawdi mill-privatizzazzjoni li saret ftit tas-snin ilu tat-taqsima tal-gass tal-Enemalta. Huwa fakkar kif permezz tal-privatizzazzjoni aktar tard din is-sena se jkun qed jitlesta l-proġett tal-impjant il-ġdid f'Bengħajsa, liema impjant sar b’investiment ta’ aktar minn €20 miljun mill-privat. Dan ifisser li se jiżżarma l-Qajjenza, impjant li fis-snin tmenin inbena housing estate madwaru b’periklu għan-nies li joqogħdu hemm. Għalhekk il-Gvern ried li dan l-impjant jingħalaq biex titħares is-saħħa tar-residenti tal-Qajjenza u jitneħħa l-periklu minn wara l-bieb tal-familji.
Il-Ministru Pullicino spjega wkoll li f’Awwissu 2010 ħarġu regolamenti li jagħmlu possibbli l-bidla (conversion) għall-karozza biex tkun tista’ taħdem bl-Autogas. Din tista’ ssir minn persuni awtorizzati mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Fil-preżent huma tnejn il-kumpaniji li huma awtorizzati biex iwettqu dan ix-xogħol iżda hemm applikazzjonijiet oħra li qed ikunu pproċessati. L-infiq tal-konverżjoni jiġi miġbur lura f’sena minn dak li jiġi ffrankat fi spejjeż ta’ konsum rikurrenti. Id-dettalji ta’ min jista’ jwettaq dan ix-xogħol ikunu updated fuq is-sit eletroniku tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi www.mra.org.mt.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017