PREŻENTAZZJONI TA’ ĊEKKIJIET LILL-FONDAZZJONI SURET IL-BNIEDEM U LILL-PRISON FELLOWSHIP MALTA
Il-bieraħ il-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari ppreżenta ċekk ta’ €11,000 lil Philip Gafa, Chairman tal-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, u ieħor ta’ €7,000 lil Mark F Vella, Direttur tal-Prison Fellowship Malta.
Filwaqt li rringrazzja lill-Ministru, is-Sur Gafa` spjega kif il-Fondazzjoni tgħin lil diversi persuni li jiffaċċjaw id-diffikultajiet marbuta ma’ “homelessness”. Il-Fondazzjoni, għalhekk, toffrilhom numru ta’ servizzi u programmi ta’ riabilitazzjoni bl-iskop li jerġgħu jirrintegraw ruħhom lura fis-soċjetà.
Il-Fondazzjoni għandha r-responsabbiltà tat-tmexxija ta’ tlett idjar, li jinkludu Dar Leopoldo li tilqa’ fiha rġiel u żgħażagħ, Dar Teresa Spinelli li tilqa’ fiha nisa u t-tfal tagħhom, u Dar Victoria li tilqa’ rġiel li kienu residenti Monte Carmeli.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Mark F Vella ta rendikont qasir dwar l-operat tal-Prison Fellowship Malta. Huwa qal li l-funzjoni prinċipali tagħhom hu li, permezz ta’ laqgħat u programmi b’temi reliġjużi u soċjali, jgħinu lil priġunieri u ex-priġunieri jibnu karattru sod, bl-iskop aħħari li jibdlu l-istil ta’ ħajja li kellhom fil-passat u b’hekk iżommu ruħhom ‘il bogħod mill-ħitan tal-Faċilta Korrettiva ta’ Kordin. Il-Prison Fellowship Malta għandu wkoll fi ħdanu s-Sezzjoni Angel Tree Club, li jilqa’ fih it-tfal ta’ priġunieri, ta’ ex-priġunieri, kif ukoll ta’ vittmi ta’ kriminalita.
Is-Sur Vella innota bi pjaċir illi matul iż-żjarat tiegħu ġewwa l-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin, l-effetti pożittivi li qed iħallu dawn il-programmi fuq l-imġieba ta’ diversi detenuti huma viżibbli.
F’diskors qasir, il-Ministru Mifsud Bonnici faħħar l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjoniet għall-benefiċċju tal-persuni ġewwa l-Faċilita` u esprima x-xewqa li jara aktar entitajiet jidħlu għal xogħol simili u daqstant delikat. Huwa żied jgħid illi programmi bħal dawn għandhom importanza sinifikanti għad-detenuti fit-tfassil tal-care plan u t-talbiet sussegwenti tagħhom għar-remissjoni jew il-parole fil-qafas tar-regolamenti tal-liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017