ID-DISKUSSJONI DWAR IL-POLITIKA NAZZJONALI TAT-TFAL TKOMPLI F’GĦAWDEX
Il-Gvern qed jaħdem sabiex jinkoraġixxi lil kulħadd jinvesti fl-iżvilupp tat-tfal. It-tfal għandhom jingħataw aktar opportunitajiet sabiex jikbru f’pajjiż li jirrikonoxxi l-valur u l-involviment tagħhom. L-investiment sabiex l-aħjar interessi tat-tfal jiġu imħarsa m’għandux ikun finanzjarju biss, iżda għandha tissaħħaħ is-sinerġija bejn entitajiet differenti bħal skejjel, entitajiet sportivi, kulturali u entitajiet oħra li jaħdmu fil-qasam tat-tfal.
Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said hekk kif id-diskussjoni u l-konsultazzjoni dwar il-Politika Nazzjonali tat-Tfal kompliet f’Għawdex b’laqgħa fl-Iskola Sekondarja tas-Subien fir-Rabat. Il-laqgħa kienet waħda ġenerali u matulha kienu diskussi temi bħall-parteċipazzjoni attiva, l-inklużjoni, id-drittijiet, id-dmirijiet, il-ħarsien, il-kreattività u l-ħin liberu tat-tfal. Dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni jiġu fi tmiemhom lejn l-aħħar ta’ Mejju.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Politika Nazzjonali tat-Tfal tenfasizza l-ħtieġa ta’ soċjetà inklussiva billi tisħaq li t-tfal ikollhom sehem attiv fl-oqsma kollha tas-soċjetà. Min-naħa tiegħu il-Gvern qed jassigura li t-tfal ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi soċjali meħtieġa skont il-bżonn. Dawn jinkludu servizzi lil dawk it-tfal li jinsabu f’out-of home care bħal servizzi residenzjali, fostering u trobbija speċjalizzata. Dawn it-tfal ukoll għandhom ikunu involuti fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq il-futur tagħhom, skont l-età, il-maturità u l-ħiliet tagħhom.
Il-Politika Nazzjonali għat-Tfal issegwi ħsieb integrat u ħolistiku, tippromwovi programmi u azzjonijiet iffokati lejn il-ġid tat-tfal. F’dan id-dokument hemm għaxar prinċipji li huma l-aħjar interessi tat-tfal, mainstreaming, kuntentizza, parteċipazzjoni, inklużjoni, aċċessibilità, protezzjoni, familji, kontabbilità u sostenibilità. Kull prinċipju fih rakkomandazzjonijiet ewlenin għat-twettiq ta’ din il-politika. B’hekk id-dokument jimmira li jipproduċi koordinazzjoni sħiħa fil-politika tat-tfal billi jġib fuq quddiem u jiġbor il-ħtiġijiet tat-tfal u jfittex li jiffaċilita l-ħidma bejn id-dipartimenti bl-iskop li jintlaħqu l-miri u l-prinċipji li fuqhom hu bbażat dan l-istess abbozz.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017