TIĠI VARATA S-SISTEMA ONLINE TAL-PETIZZJONIJIET
Illum bdiet taħdem is-sistema li permezz tagħha l-pubbliku jista’ jibgħat petizzjoni online dwar kwalunkwe tip ta’ kontravvenzjoni / multa maħruġa mill-gwardjani lokali jew mill-Pulizija.
Dan ħabbru dalgħodu l-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari, Carm Mifsud Bonnici, waqt konferenza stampa li ta flimkien ma’ rappreżentanti tal-kumpanija Loqus li hija responsabbli mis-sistema teknika kollha relatata mal-infurzar lokali.
Il-Ministru ddeskriva din is-sistema ġdida bħala pass ieħor importanti ’l quddiem li għandu jnaqqas il-burokrazija fl-ipproċessar ta’ dawn il-petizzjonijiet, filwaqt li jagħti wkoll l-opportunita lil dawk il-persuni li, minħabba l-ħajja impenjattiva tagħhom, m’għandhomx il-ħin li jmorru quddiem it-Tribunal biex jikkontestaw il-kontravvenzjonijiet jew multi li jirċievu.
Permezz ta’ din l-inizjattiva ġdida, persuna issa tista’ tibgħat il-petizzjoni tagħha online minn fuq is-sit elettroniku www.les.gov.mt mill-kumdità ta’ darha. Ta’ min ifakkar illi dan huwa l-istess sit li minn fuqu qed isir il-ħlas online taċ-ċitazzjonijiet.
Kull min jixtieq jibgħat petizzjoni, għandu l-ewwelnett jirreġistra għall-provvediment ta’ dan is-servizz fuq l-istess sit imsemmi. Tajjeb jingħad illi r-reġistrazzjoni hija miftuħa għal kulħadd u m’hemmx bżonn li wieħed ikollu l-pussess tal-e-ID. Il-proċess ta’ reġistrazzjoni huwa intiż biex jipprovdi element ta’ protezzjoni lil min ikun qed juża s-servizz kif ukoll biex issir verifika bażika tal-persuna kkonċernata.
Wara li jinkiseb l-aċċess għas-sistema, għandu jiddaħħal in-numru tal-kontravvenzjoni flimkien man-numru tal-Karta tal-Identità tal-persuna li tkun irċeviet iċ-ċitazzjoni, u d-dettalji kollha tal-istess multa jitilgħu awtomatikament fuq il-paġna tas-sit. Il-petizzjonant jista’ jikteb jew itella’ dokument permezz ta’ word document, pdf jew jpeg u jissottometti l-petizzjoni tiegħu fis-sistema.
Kull min jissottometti petizzjoni b’dan il-mod jirċievi acknowledgment fuq l-istess e-mail ipprovdut mill-petizzjonant.
Min jidħol fis-sistema bil-username personali tiegħu, ser ikun jista’ jsegwi l-istatus tal-petizzjoni relatat mal-każ tiegħu, inkluż l-eżitu tad-deċiżjoni tal-Bord.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017