STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT U L-MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR
Is-self-employed u s-sidien ta’ negozji żgħar investew bis-saħħa tul l-aħħar snin bl-appoġġ tal-inċentivi tal-Gvern
Stqarrija għall-Kummenti li għamel Dott Muscat waqt laqgħa politika dalgħodu
Il-politika tal-Gvern li tinċentiva lis-sidien ta’ negozji żgħar u s-self-employed kienet kruċjali biex l-attivita ekonomika u l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ġodda baqgħat fost l-aqwa fl-Ewropa minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli ta’ madwarna. Tul din il-legiżlatura, il-Gvern ħoloq sensiela ta’ inċentivi li jixprunaw t-twaqqif ta’ negozji ġodda u biex jgħin lis-self employed ikabbru l-operat tagħhom, jinvestu f’makkinarju innovattiv jew li jiġġenera enerġija alternattiva, biex jespandu s-swieq tagħhom u jibdew jesportaw. L-20,000 impjieg li nħolqu f’dawn l-4 snin huma wkoll mertu ta’ min għandu negozju żgħir jew medju.
L-aktar skemi popolari kienu l-MicroInvest, skema li diġà ppermetiet lil aktar minn 1,050 sid ta’ negozju biex jiffranka 40% taxxa fuq investiment li jkun għamel, u l-MicroCredit, skema ta’ self sussidjat, li diġà għenet aktar minn 250 sid ieħor ta’ negozju. B’dawn iż-żewġ skemi biss, sar investiment ta’ aktar minn 56 miljun ewro fl-ekonomija Maltija mis-sidien tan-negozji żgħar u medji.
Permezz ta’ fondi Ewropej, il-Gvern minn skema waħda ddedika diġà 35 miljun f’fondi għan-negozji Maltin u Għawdxin, li permezz tagħhom 570 sid ta’ negozu ieħor għamlu investiment ta’ l fuq minn 78 miljun oħra. Fost l-oħrajn, dawn l-għajnuniet jgħinu lis-sidien ta’ negozju biex jinvestu f’makkinarju li jikkonsma inqas enerġija u f’tagħmir li jiġġenera enerġija alternattiva, u b’hekk inaqqsu l-ispejjeż tagħhom.
Dwar l-enerġija alternattiva, Dott Muscat qagħad fuq rapport li kkwota ħażin lic-Chairman tal-EneMalta. Hu għajb li jagħmel diskors u jagħmel interpretazzjoni ħażina ta' dak li jkun intqal għaliex ma jivverifikax il-fatti.
Minbarra dawn l-iskemi l-Gvern daħħal sistemi li bihom tissaħħaħ l-effiċjenza għas-sidien ta’ negozji żgħar u medji, fosthom servizzi online u s-servizzi minn entitajiet differenti inġabru taħt saqaf wieħed – Business First. Is-sena l-oħra daħal fis-seħħ l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar li permezz tiegħu qed jiġi mtejjeb l-ambjent regolatorju għan-negozji ż-żgħar fejn qed jiġu mħarsa u ssalvagwardjati l-interessi ta’ dawn in-negozji . Ġie mwaqqaf ukoll l-Enterprise Consultative Council, fejn dan il-kunsill jiltaqa’ regolarment mal-korpi kostitwiti sabiex flimkien jiddiskutu materji li jolqtu n-negozji biex dawn jaħdmu f’ambjent aħjar.
Il-Gvern għadu kif ħabbar ukoll proċess ta’ konsultazzjoni għall-proposti li jemendaw regolamenti dwar il-liċenzji tal-kummerċ u dan biex iżid aktar il-flessibilità. Fost il-proposti mressqa, negozjant ġdid mhux se jkollu bżonn japplika għal-liċenzja tan-negozju li toħroġ mid-Dipartiment tal-Kummerċ, iżda minflok ikun jista’ sempliċiment jibgħat notifika.
Il-Gvern diġà naqqas l-imgħax għal min ma jħallasx it-taxxa fil-ħin li tniżżel għal 0.75% fix-xahar. Il-Gvern naqqas l-imgħax għaliex jidhirlu li dan m'għandux ikun xi penali addizjonali. Dott Muscat jiżbalja meta jkun qed iwebbel lin-nies u jwasslilhom xi messaġġ li jaqbilhom ma jħallsux taxxa li jkunu ġabru. Din hi irresponsabbilita' morali u fiskali li tagħmel ħsara lil pajjiżna.
Kuntrarju għall-inizjattivi kollha li l-Gvern ħa favur in-negozju, l-Oppożizzjoni ma ħarġet b’ebda proposta. Anzi, l-Partit Laburista jqis in-negozji ż-żgħar bħala settur li jista' jintaxxa biex jiġbor il-flus billi qiegħed iwiegħed kollox lil kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017