DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-PREMJU ĦADDIEM TAS-SENA 2012, GĦAWDEX - IS-SIBT 19 TA’ MEJJU 2012
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nkun hawn magħkom illejla biex niċċelebraw waħda mill-aktar affarijiet għeżież għalina lkoll, kemm bħala bnedmin u kemm bħala soċjetà – ix-xogħol.
Ix-xogħol jibqa’ pilastru importanti fil-ħajja tagħna u fl-iżvilupp tagħna bħala soċjetà. Dak kollu li kiseb pajjiżna tul is-snin huwa kollu l-frott tax-xogħol ta’ ommijietna u missieritna.
Il-ħaddiema Maltin minn dejjem urew bżulija u responsabbilità kif ukoll sens ta’ imprenditorija. Jaħdmu, jistinkaw u javvanzaw. Mix-xogħol igawdu l-ħaddiema, il-familji u s-soċjetà.
Xi kultant, fl-isforzi tagħna biex noħolqu aktar xogħol, ikollna nħabbtu wiċċna ma’ xi maltemp u dawn l-erba’ snin għixna mumenti ta’ maltemp qawwi.
Tul dawn is-snin, il-Gvern ta prijorità assoluta lix-xogħol. Irrispondejna għall-isfidi u intervjenejna. F’dawn l-aħħar erba’ snin mhux biss salvajna 5,000 impjieg li kienu f’riskju minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali imma ħloqna ħafna aktar opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħna. Għamilna dan b’fiduċja fil-ħaddiema, fl-investituri u f’pajjiżna.
Komplejna naħdmu biex ngħinu u nsostnu lil min iħaddem. Ħdimna flimkien, mas-settur privat, mal-għaqdiet ta’ min iħaddem, ma’ min jirrapreżenta lis-sidien tan-negozji u mal-unions tal-ħaddiema biex pajjiżna jkompli jkun iffukat fuq il-ħolqien tax-xogħol. Din il-ħidma ssarfet f’aktar investiment f’pajjiżna, aktar xogħol u impjiegi bi dħul aħjar għall-ħaddiema.
Flimkien, Gvern u privat, qed noħolqu x-xogħol.
F’erba’ snin ħloqna aktar minn 20,000 post tax-xogħol. Fl-2011, pajjiżna kellu t-tielet l-akbar rata ta’ ħolqien ta’ impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Għandna s-sitt l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt komplejna tejjibna l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.
Il-Gvern jemmen li d-dinjità tal-ħaddiema għandha dejjem tiġi rispettata. Dan wassal biex il-Gvern tejjeb u żied il-kundizzjonijiet minimi tal-ħaddiema. B’hekk qed jiġi assigurat li l-ħaddiema Maltin u l-familji tagħhom igawdu kwalità ta’ ħajja aħjar. Għalhekk saru regolamenti ġodda biex fost l-oħrajn isaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema part-time, tan-nisa u l-ommijiet fuq il-post tax-xogħol, u tal-ħaddiema b’kuntratti ma’ aġenziji.
L-investiment tagħna fl-edukazzjoni hu l-akbar investiment sabiex inkomplu noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar, bi dħul tajjeb għall-ħaddiema.
Qed inħejju liż-żgħażagħ tagħna u lil min irid jidħol jew itejjeb l-impjieg tiegħu biex ikun jista’ jagħmel dan, billi jsegwi korsijiet f’istituzzjonijiet edukattivi differenti jew fl-ETC. L-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-MCAST u l-Università joffru firxa wiesgħa ta’ korsijiet, anki korsijiet part-time filgħaxijiet biex min irid ikun jista’ jikseb ħiliet ġodda u javvanza fuq fl-impjieg jew ibiddel l-impjieg. Mal-korsijiet f’dawn l-istituzzjonijiet edukattivi jiżdiedu wkoll il-korsijiet u l-iskemi mħaddma mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ.
F’pajjiżna qed noħolqu postijiet tax-xogħol kemm f’setturi li ilhom f’pajjiżna għal tul ta’ snin u li ġġeddu kif ukoll qed inwelldu setturi ekonomiċi ġodda li se jkomplu jixprunaw l-ekonomija tagħna u jinħolqu aktar impjiegi.
Investejna fis-Safi Aviation Park. Investejna u qed ninvestu aktar fiż-żoni industrijali fejn ta’ kuljum il-ħaddiema jmorru għax-xogħol fil-fabbriki. Qed ninvestu fil-BioCampus biex noħolqu aktar impjiegi fir-riċerka u bijo-teknoloġija.
Il-Gvern huwa determinat li jkompli joħloq aktar xogħol, għal min qiegħed ifittex impjieg, għaż-żgħażagħ li se jidħlu fis-suq tax-xogħol wara li jtemmu l-istudji, għal ħaddiema li qed jitħarrġu u għal min ilu barra minn impjieg u jrid jerġa’ jibda jaħdem.
Intom li ġejtu nominati għall-Premju Ħaddiem tas-Sena, sirtu ambaxxaturi denji tal-ħaddiema Maltin. In-nominazzjonijiet tagħkom jirriflettu li s-suċċess tal-ħaddiema mhux biss jitkejjel mill-iżvilupp fil-karriera jew mill-kwalifiki iżda bil-kontribut lejn is-soċjetà u bil-motivazzjoni altruwistika. Turu b’għemilkom li permezz tax-xogħol qed tagħtu kontribut mhux biss ekonomiku imma wkoll soċjali u ta’ dan il-poplu kburi bikom.
Bħal kull premju ieħor l-għażla taqa’ fuq wieħed jew waħda. Nifraħ lir-rebbieħ ta’ din is-sena Victor Friggieri.
Sinjuri,
Għal pajjiżna, gżira mingħajr riżorsi naturali, il-ħaddiem huwa l-pilastru tal-ekonomija tagħna u tal-iżvilupp bħala pajjiż u bħala soċjetà.
Dan il-Premju għal sena wara l-oħra jiċċelebra l-valur tax-xogħol.
Il-viżjoni tal-Gvern għal pajjiżna u għas-soċjetà hi mibnija fuq ix-xogħol u tixhed il-fiduċja tagħna fil-potenzjal tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Irridu li kulħadd ikollu l-opportunità jilħaq il-milja tiegħu fix-xogħol.
Ambizzjużi u determinati.
Nemmnu fil-potenzjal tal-ħaddiema tagħna.
Nemmnu fikom il-ħaddiema. U se nkomplu naħdmu biex noħolqu aktar xogħol għalik.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017