Left arrow Go Back

DISKORS TAL-MINISTRU CHRIS SAID WAQT IS-SERATA TAL-GĦOTI TAL-PREMJU ĦADDIEM TAS-SENA

pr1136
Date Icon 20/05/2012

Inħossni verament kburi u onorat li għall-ewwel darba minn kemm ilu jiġi ppreżentat il-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena, is-serata finali qed tiġi organizzata hawnhekk f’Għawdex. 

Ilkoll nafu kemm l-Għawdxi hu bieżel.  Jaf li minħabba li jgħix fuq gżira żgħira, maqtugħa mill-art ewlenija, irid ixammar il-kmiem u jaħdem.  Mhux għax il-Maltin ma jaħdmux. Imma l-Għawdxi jaf li jrid jaqta’ aktar bi snienu jekk irid jagħmel suċċess u jekk irid jagħti kwalita’ ta’ ħajja aħjar lill-familja tiegħu. 

Ix-xogħol jibqa’ l-aktar ħaġa għażiża għalina lkoll.  Li x-xogħol jagħti dinjita’ lill-individwu - lill-ħaddiem - hija cliché. Iżda hija wkoll verita’ għaliex permezz tax-xogħol raġel jew mara jilħqu diversi skopijiet f’ħajjithom.  Jaħdmu biex jgħixu huma u biex jgħajxu lill-familja tagħhom. Jaħdmu sabiex jesprimu ruħhom u jħaddmu t-talenti tagħhom.  Jaħdmu sabiex ibiddlu d-dinja ta’ madwarhom u jagħmluha aħjar.

Fis-snin li għaddew ix-xogħol kien il-fokus tal-ħidma tal-Gvern.  Nemmnu li b’aktar xogħol u b’xogħol aħjar naslu biex inkomplu ntejbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu tagħna. 

Irrid nagħmilha ċara mill-bidu nett li l-Gvern jibqa’ kommess li joħloq ix-xogħol u li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.  Dan hu dak li għamilna fl-erba’ snin li għaddew.

Ħa nibda bil-ħolqien tax-xogħol u bl-investiment.  Għax jekk ma jkunx hawn xogħol, la jkun hawn ħaddiema u wisq anqas drittijiet tal-ħaddiema xi tħares. U aħna ħdimna biex qabelxejn inġibu l-investiment u nkattru  x-xogħol.

F’erba’ snin ħloqna 20,000 impjieg ġdid.  Il-proġetti kapitali li qed isiru madwar il-pajjiż, mill-proġett ta’ Bieb il-Belt sa Smart City u t-toroq residenzjali qed iħaddmu ‘il fuq minn 2,700 ħaddiem. Aktar nies qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol.  Missejna l-150,000 ruħ li huma gainfully occupied fuq bażi full-time.  20,000 oħra jaħdmu fuq bażi part-time. 

B’aktar family friendly measures u bi tnaqqis fl-income tax, qed noħolqu impjiegi għall-ommijiet li jagħżlu li jidħlu jew jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.  2,800 omm, fis-sena, qed igawdu minn skema li biha ma jħallsux income tax.   Persuni li jilħqu l-età tal-irtirar, issa jistgħu jibqgħu f’impjieg u barra l-paga jieħdu pensjoni sħiħa. In-numru ta’ persuni li qed jirċievu il-pensjoni u baqgħu fid-dinja tax-xogħol  huwa ta’ 13,148.

Bħala Gvern investejna b’mod qawwi biex aktar kumpaniji u fabbriki jiftħu f’Malta u joħolqu x-xogħol għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema.  Ingħatat għajunna finanzjarja lil min għandu investiment f’Malta biex ikompli jkabbar l-investiment u n-negozju.  B’hekk jiżdiedu l-impjiegi.

Għas-self employed u s-sidien ta’ negozji żgħar u medji l-Gvern għamel skema ta’ tnaqqis fl-income tax.  Aktar minn 1,000 sid ta’ negozju qed jibbenefikaw u jgawdu minn tnaqqis fl-income tax li jlaħħaq sa €25,000.

Il-Gvern qed jinvesti aktar fit-turiżmu.  Għall-ewwel darba s-sena li għaddiet ġew Malta aktar minn 1.4 miljun turist.  B’żieda fit-turiżmu ssaħħu l-impjiegi, inħoloq aktar kummerċ fil-ħwienet, fir-restoranti u fil-lukandi.  Minbarra l-kampanji li saru biex niġbu aktar turisti u biex aktar linji tal-ajru itiru lejn Malta, is-sidien tal-lukandi u restoranti ġew mgħejuna biex jinvestu aktar.

Li toħloq 20,000 impjieg ġdid mhux ċajta.  Li hawnhekk f’Għawdex, minkejja d-diffikultajiet kollha u minkejja l-insularita’ doppja, 700 ħaddiem Għawdxi sabu impjieg wara għajnuna mill-ETC – mhux ċajta lanqas.  Bl-Employment Aid Programme waħdu, fl-aħħar snin, kien hemm 150 intrapriża f'Għawdex li flimkien impjegaw 450 ħaddiem Għawdxi.  F'Għawdex ukoll, l-ETC tat taħriġ lil madwar 4,000 ruħ.  Fuq popolazzjoni ta’ 30,000 ruħ, dawn m’humiex ċifri ħżiena. Anzi.  Qed jirnexxielna naslu.

Mhux ta’ b’xejn li pajjiżna llum għandu s-sitt l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.  Aktar minn hekk, pajjiżna għandu r-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ – wara pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Awstrija. 

Ir-riżultati qegħdin hemm u għandna biex niftaħru.  Imma l-ftaħir biss mhux biżżejjed.  Irridu nxammru l-kmiem u nkomplu naħdmu sabiex nassiguraw li nġibu riżultati aħjar.  Żgur li mhux se nistrieħu qabel ma’ kull min irid jaħdem ikollu impjieg.

Il-Gvern jemmen li d-dinjita’ tal-ħaddiema, f’kull livell, għandha dejjem tiġi rispettata. Dan il-prinċipju wassal lill-Gvern biex fuq firxa ta’ snin u wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, tejjeb u żied il-kundizzjonijiet minimi tal-ħaddiema.  B’hekk qed jiġi assigurat li l-ħaddiem Malti u l-familja tiegħu qed igawdu kwalita’ ta’ ħajja aħjar.

Il-Liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (EIRA) li daħlet fis-seħħ fl-2001, tpoġġi obbligi fuq min jimpjega. Fost l-oħrajn din il-Liġi tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi li kull employer hu obbligat li joffri lill-ħaddiema tiegħu.

Fis-snin ta’ wara daħlu regolamenti li jippromwovu l-prinċipju tat-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol, ittieħdu inizjattivi li jgħinu li jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol mal-ħajja ta’ ġenitur,  il-leave tal-maternita’ żdied għal 14-il ġimgħa u nżamm id-dritt tal-ħarsien tal-impjieg matul it-tqala u wara.  Dan filwaqt li l-Gvern Malti qed ikompli jissielet fuq livell Ewropew biex il-ħaddiem jibqagħlu d-dritt li jaħdem siegħat fil-ġimgħa kemm irid

F’din il-leġislatura ittieħdu numru ta’ inizjattivi biex jiġi miġġieled ix-xogħol prekarju, fosthom li l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif stabbiliti bil-liġi qed jiġu mħarsa,  li l-ħaddiema jieħdu bi dritt dak li hu tagħhom, u li l-ħaddiema qed jaħdmu f’ambjent li jħares is-saħħa u s-sigurta’ tagħhom. 

Saru emendi u kienu ppubblikati 35 Avviż Legali li permezz tagħhom komplew jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fost l-oħrajn

 tal-ħaddiema part-time,

 tan-nisa fil-post tax-xogħol,

 u tal-ħaddiema b’kuntratti temporanji ma’ aġenziji.

Fost l-inizjattivi ewlenin li ħadna:

 il-leave tal-maternita’ żdied minn 14-il ġimgħa għal 18-il ġimgħa fuq perjodu ta’ sentejn. L-ewwel ġimgħatejn daħlu fl-1 ta’ Jannar li għadda. It-tieni perjodu ta’ ġimgħatejn se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.

 ommijiet li jkunu tqal, u li jkunu għadhom fuq probation, issa huma mħarsa minn Avviż Legali li jassigura li dawn ma jistgħux jitkeċċew mix-xogħol mingħajr raġuni valida u bil-miktub.

 matul il-perjodu tat-tqala, kif ukoll sa sena wara t-twelid tat-tarbija, omm ma tistax tkun obbligata tagħmel sahra.

 il-ħaddiema part-time issa għandhom dritt pro-rata għal-leave, sick-leave, u benefiċċji oħra. Dan anki jekk il-ħaddiem ikun impjegat f’aktar minn impjieg wieħed fuq bażi part-time.

 iddaħħlet klawsola fil-kuntratti l-ġodda li joħroġ il-Gvern, li tispeċifika li l-kuntrattur li jirbaħ tender tal-Gvern hu obbligat li jimxi mal-kundizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.

 ħaddiema li fl-impjieg tagħhom jissodisfaw numru ta’ kriterji stabbiliti bil-liġi, għandhom ikunu impjegati bħala ħaddiema u jingħataw id-drittijiet u l-kundizzjonijiet kollha, u mhux ikunu meqjusa bħala self-employed.

Ir-Relazzjonijiet tal-Impjieg f’pajjiżna huma mħarsa mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Matul l-erba’ snin bejn l-2008 u l-2011, dan id-Dipartiment wettaq 5,486 spezzjoni fuq postijiet tax-xogħol fejn jaħdmu 114,609 ħaddiem.  F’dawn l-ispezzjonijiet instabu 4,035 irregolarita’.  F’36 każ biss kien hemm bżonn li l-każ jispiċċa l-Qorti. Fil-bqija tal-każi l-każijiet kienu solvuti wara l-intervent tad-Dipartiment.

Matul l-istess perjodu id-DIER ħa passi f’isem 1,237 ħaddiem li kellhom l-impjieg tagħhom itterminat minn min kien iħaddimhom.  It-talbiet ta’ dawn il-ħaddiema kienu jammontaw għal aktar minn €2 miljun. Grazzi għall-intervent tad-DIER, 636 ħaddiem ieħor li kellhom il-kuntratt tagħhom terminat, laħqu ftehim barra l-Qrati ma’ min kien iħaddimhom.  Il-valur ta’ dan il-ftehim kien jaqbeż is-€650,000.

Dan ix-xogħol hu importanti ħafna iżda huwa wkoll importanti li jidher li qed isir sabiex inserħu moħħ il-ħaddiema tagħna li hemm barra, minbarra t-trade unions, hemm ukoll il-Gvern u l-entitajiet tiegħu li qed jagħmlu li jistgħu biex iħarsuh. 

L-impenn tagħna jibqa’ wieħed.  Li nibqgħu naħdmu biex noħolqu x-xogħol.  U biex nassiguraw li l-ħaddiema tagħna jieħdu dak li ħaqqhom bi dritt.

Fl-aħħarnett.

Din is-sena kellna firxa wiesgħa ta’ ħaddiema – kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat - li ta’ għemilhom u għad-dedikazzjoni tagħhom kien jistħoqqilhom jiġu nominati għal dan il-premju.  B’kollox kellna 16-il nominazzjoni minn oqsma varji.

Ippermettuli hawn nifraħ u nirringrazzja lil għadd ta’ kumpaniji u impriżi privati f’pajjiżna li iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed qed juru interess f’dan il-premju. Huwa ta’ sodisfazzjon għalina lkoll li naraw kumpaniji li mhux biss iħossu li għandhom jinnominaw ħaddiema tagħhom iżda li jħarsu lejn dan il-Premju bħala ċertifikat għall-kumpanija nnifisha.

Nixtieq nieħu l-okkażjoni fejn hawn miġbura grupp imdaqqas ta’ nies li għandhom għal qalbhom l-interessi tal-ħaddiem Malti, biex nirringrazzjakom. Grazzi lill-unions – tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem. Grazzi lil dawk li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema u jaraw li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema mhux biss jitħarsu iżda jitjiebu. Grazzi ta’ kemm-il darba wieħed ipoġġi f’ġenb interessi periferiċi biex jiffoka fuq l-interessi tal-ħaddiema.

Il-Premju Ħaddiem tas-Sena huwa turija tal-apprezzament tal-Istat lejn il-ħaddiem Malti. F’mument meta d-dinja qed tipprova tirkupra mill-effetti li ħalliet il-kriżi finanzjarja internazzjonali, il-ħaddiem Malti huwa għalina l-għodda ewlenija – l-aqwa riżorsa - biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tikber għall-ġid tagħna lkoll.

Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow