DISKORS MILL-E.T. DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA GĦALL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTJA TAL-PREMJU NAZZJONALI ĦADDIEM TAS-SENA 2011
Erġajna ltqajna f’din l-okkażjoni importanti li fiha nagħtu rikonoxximent lil persuna li, bl-eżempju tajjeb li tat fil-ħidma tagħha, jistħoqqilha tingħata l-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena.
Bix-xogħol, il-ħaddiem jista’ jibni ħajja deċenti għalih u għall-familja tiegħu għaliex l-istabilità ekonomika tista’ tgħid ta’ kulħadd tiddependi mix-xogħol. Mhux biss il-qagħda ekonomika tal-individwu tiddependi mix-xogħol imma dik tan-nazzjon kollu. L-istess kostituzzjoni tagħna tiddeskrivi x-xogħol bħala l-pedament tal-pajjiż bil-kliem “Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol”. Ghalhekk, ix-xogħol huwa l-għajn tal-ħajja u tal-għixien tal-komunità kollha kemm hi, sew ta’ dawk li jagħmlu xogħol bi ħlas u sew ta’ dawk li ma jagħmlux xogħol bi ħlas, bħalma huma n-nisa tad-dar, l-ommijiet li jiddedikaw ruħhom għall-familja, it-tfal u l-pensjonanti. Min ma jagħmilx xogħol bi ħlas għal xi raġuni jew oħra, irid jiġi sostnut minn dawk li jaħdmu għax is-servizzi soċjali huma fl-aħħar mill-aħħar iffinazjati mix-xogħol. Fi kliem ieħor, l-ekonomija, il-benessere u l-prosperita’ ta’ nazzjon huma msejsa fuq ix-xogħol. Aktar ma naħdmu u aktar ma xogħlna jkun produttiv, aktar se jkollna socjetà li tgħix ħajja deċenti u aktar se jkollna futur sod. Hu għal din ir-raġuni li l-programm tal-gvernijiet jikkonċentra ħafna fuq il-ħolqien tax-xogħol.
Aktar ma ħaddiem ikun dedikat fil-ħidma tiegħu, aktar se jkun produttiv u aktar se jikkontribwixxi għall-ġid tan-nazzjon u għall-ġid komuni. Din hija r-raġuni, fil-fehma tiegħi, li hu xieraq li nagħtu rikonoxximent lil ħaddiem partikolari bħala ħaddiem tas-sena. Għalija, min jingħata dan il-premju huwa rappreżentant ta’ dawk il-ħaddiema kollha li jagħmlu d-dover tagħhom ta’ kuljum skond l-aħjar ħila tagħhom. Pajjiżna huwa grat lejn kull min jistinka biex jaħdem bl-aħjar mod possibbli u b’hekk itejjeb il-qagħda ekonomika tiegħu u tal-komunità in ġenerali.
Fis-sitwazzjoni internazzjonali ekonomika attwali, huwa aktar u aktar essenzjali li jkollna ħaddiema dedikati għal xogħlhom, ħaddiema li jippruvaw ikunu produttivi kemm jistgħu. Ngħid hekk, għax aktar ma jkollna ħaddiema produttivi, aktar se nkunu kompetittivi fl-oqsma kollha fejn irridu nikkompetu ma’ ħaddieħor, sew jekk hu fit-turiżmu jew fis-settur terzjarju (dak tas-servizzi) u sew fl-industrija tal-manifattura. F’dinja fejn kulħadd jipprova jikkompeti kemm jista’, il-kompetittivita’ hija ċ-ċavetta għas-sopravvivenza ekonomika tagħna.
Kif spiss jingħad, il-ħaddiema tagħna huma l-aqwa riżorsa tal-pajjiż, l-aqwa kapital li għandna. Jekk irridu nkabbru l-ekonomija tagħna u niġbdu l-investiment lejn pajjjiżna, l-investituri jridu jkunu konvinti li l-ħaddiema Maltin li se jqabbdu jaħdmu fis-settur fejn se jinvestu flushom ikunu ħaddiema bieżla, attenti f’xogħlhom, leali, lesti li jadattaw ruħhom skond esiġenzi li jinbidlu mal-pass mgħaġġel tal-iżvilupp teknoloġiku. Biex ngħid hekk, jeħtieġ li kull ħaddiem ikun il-ħaddiem tas-sena. Jiena qatt ma ddubitajt li l-ħaddiema Maltin għandhom dawn il-kwalitajiet kif jixhdu investituri stess kemm il-ħaddiem Malti lest li jaħdem b’kuxjenza u b’dedikazzjoni lejn ix-xogħol tiegħu u kemm hu lest jitgħallem ħiliet ġodda. Li ma kienx hekk, ma kienx jirnexxilna nidħlu f’setturi ġodda bħalma huma l-manutenzjoni tal-ajruplani, is-servizzi finanzjarji u t-tekonoloġija tal-informatika.
Ma rridux ninsew lil min jixtieq jaħdem imma ma jirnexxilux isib post tax-xogħol. Wieħed jifhem sewwa l-qtigħ ta’ qalb u l-uġigħ psikologiku ta’ ħaddiem li jixtieq jaqla’ l-għixien tiegħu b’ħidmietu imma jibqa’ disokkupat għal xi raġuni jew oħra. Kultant jista’ jkun li persuna jew titlef ix-xogħol minħabba diffikultajiet tal-azjenda fejn kienet taħdem jew inkella ma jkollhiex il-kwalifiki neċessarji għax-xogħol disponibbli f’dak il-mument. Ghalhekk hu tajjeb li jeżistu skemi intiżi biex iħarrġu lil min jixtieq isib ix-xogħol f’ħiliet ġodda u jiena nħeġġeġ lil min jista’ jibbenefika minn dawn l-opportunitajiet biex itejjeb il-kwalifiki tiegħu sabiex isibha aktar faċli li jsib impieg u jsir produttiv.
Wieħed juri wkoll tħassib għal sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiem ikollu jaċċetta kundizzjonijiet ta’ xogħol prekarju u kultant b’kundizzjonijiet inferjuri għal dawk stabbiliti mil-liġi. Dan m’għandux ikun. Wieħed irid joqgħod ukoll attent ħafna li l-postijiet tax-xogħol ma joffrux “stress” żejjed fuq il-ħaddiem b’detriment għas-saħħa u s-sigurtà tiegħu u li l-istess postijiet tax-xogħol ikunu “safe” u sikuri għas-saħħa tal-ħaddiem.
Iżda ma rridux nikkunsidraw biss il-valur ekonomiku tax-xogħol. Ix-xogħol huwa fundamentali wkoll għal kif il-bniedem ifittex id-destin tiegħu fil-ħajja, kif isib postu fis-soċjeta’, kif jikseb dinjita’ għalih innifsu, kif iqawwi r-rispett tiegħu nnifsu billi jitgħallem jilħaq il-potenzjal tiegħu. Kull bniedem hu mogħni b’xi talent u kull bniedem għandu valur inestimabbli bħala persuna umana. Ix-xogħol jivvalorizza lill-bniedem. Naħseb li r-rabta bejn ix-xogħol u d-dinjita’ umana tinsab fil-qalba ta’ wħud mill-valuri sbieħ li aħna ngħożżu – il-bżulija, il-produttivita’ u l-kreattivita’. Huwa x-xogħol -- u hawn qed ninkludi wkoll xogħol volontarju bla ħlas -- li jkabbar l-istima li kull wieħed minna għandu tiegħu nnifsu. Bniedem li jista’ jaħdem imma ma jinsteressaħx li jaħdem ikollu jistrieħ fuq ħaddiehor u dan żgur ma jsaħħaħlux l-istima tiegħu nnifsu.
Bix-xogħol, il-bniedem jissoddisfa l-ġibda li għandu biex ikun kreattiv u innovattiv, biex joħloq xi ħaġa. Naħseb li dan il-kunċett taċ-ċentralità tax-xogħol għad-dinjità umana ġie mifhum u mfisser tajjeb mill-Q.T. l-Papa Gwanni Pawlu II li fl-enċiklika tiegħu Laborem Exercens kiteb li x-xogħol huwa fondamentali għall-verita’ tal-kondizzjoni umana.
Fi kliem l-enċiklika : Il-bniedem għalhekk ġie, sa mill-bidu, imsejjaħ għax-xogħol. Ix-xogħol huwa waħda mill-karatteristiċi li jiddistingwu l-bniedem mill-bqija tal-ħlejjaq l-oħra li l-attività tagħhom għall-għixien ma tistax tissejjaħ xogħol. Il-bniedem biss kapaċi għax-xogħol, u l-bniedem biss jaħdem, u fl-istess ħin jimla b’ħidmitu l-eżistenza tiegħu fid-dinja. Għalhekk ix-xogħol iġorr fuqu marka partikolari tal-bniedem u tal-umanita’, il-marka ta’ persuna li taħdem f’komunita’ ta’ persuni; u din il-marka tiddetermina l-kwalifika ġewwenija tagħha u tikkostitwixxi, f’ċertu sens, l-istess natura tagħha.”
B’dan il-ħsieb, jiena ntemm dan l-intervent qasir tiegħi billi nifraħ lir-rebbieħ ta’ dan il-premju, nixtieqlu, kif jingħad fl-Innu Malti, “saħħa lill-ħaddiem” u nawguralu suċċess fil-ħidma tiegħu.
Nirringrazzjakom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017