Left arrow Mur Lura

IPPUBBLIKAT IR-RAPPORT FINALI DWAR IL-PROVISTA TAL-UNIFORMIJIET TAL-ISKEJJEL

pr1132
Date Icon 18/05/2012

Il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji ż-Żgħar u l-Konsumatur javża lill-pubbliku ġenerali li wara konsultazzjoni li saret bejn L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ma’ diversi partijiet, l-istess uffiċċju kkonkluda r-rapport finali fuq il-provvista tal-uniformijiet tal-iskejjel wara li ġabar informazzjoni dwar is-suq u nieda rapport preliminarju għall-konsultazzjoni nazzjonali. L-għan tal-istudju kien li jiddetermina il-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-uniformijiet tal-iskejjel.

Waqt il-konsultazzjoni nazzjonali, kienu bosta partijiet li ssottomettew il-kummenti tagħhom fuq ir-rapport preliminarju kif ukoll fuq is-suq in generali, fosthom id-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi, id-Dipartiment tas-Servizzi tal-Kuntratti, l-Assoċjazzjoni tal-Konsumatur, il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti u l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri ta’ Tfal li jmorru fl-iskejjel tal-Knisja.  Intlaqgħu wkoll numru ta’ kummenti min-naħa tal-ġenituri u saru diversi laqgħat ma’ fornituri u bejjiegħa tal-uniformijiet tal-iskejjel, assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u tal-iskejjel, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u l-Kamra Maltija tan-Negozji Żgħar u Medji. L-Uffiċċju ħa sehem attiv ukoll fil-laqgħat ta’ diskussjoni dwar l-uniformijiet tal-iskejjel organizzati mill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali tal-Kamra tad-Deputati.

Is-suq għall-provvista tal-uniformijiet tal-iskejjel huwa suq importanti f'Malta, peress li kważi l-ġenituri kollha li jkollhom t-tfal jattendu l-iskola, jiġu affettwati minn dak li qed jiġri fih, flimkien ma' skejjel, fornituri u l-bejjiegħa li joperaw f'dan is-suq. L-iskejjel f'Malta huma kburin bl-uniformi li jilbsu l-istudenti tagħhom u jqisu l-uniformi bħala simbolu li tagħti identità distinta individwali lill-iskola. Il-ġenituri, min-naħa tagħhom, ġeneralment jirrikonoxxu l-konvenjenza li toffri uniformi. Madankollu, l-interessi tal-iskejjel, tal-ġenituri, tal-fornituri u tal-bejjiegħa mhux dejjem kienu f’armonija, tant li x-xahar ta’ Settembru huwa sinonimu ma’ ilmenti dwar l-uniformijiet, b'mod partikolari mill-ġenituri nnifishom. Huwa f'dan l-isfond li l-Uffiċċju ddeċieda li jwettaq studju fuq is-suq tal-provvista tal-uniformijiet tal-iskejjel.

L-Uffiċċju kkunsidra li biex is-suq isir aktar kompetittiv, għandu jkun hemm bidla fil-mod li l-iskejjel, il-ġenituri u l-fornituri jaġixxu fis-suq tal-uniformijiet tal-iskejjel. B'mod partikolari, l-iskejjel jeħtieġ li jifhmu li l-identità distinta tal-iskola tista' toħroġ xorta, anki permezz ta' uniformijiet anqas kumplikati. Meta l-iskejjel ifasslu l-politika tal-uniformi tagħhom, l-iskejjel għandhom ikunu konxji tar-rwol ewlieni li  għandhom f’dan is-suq u għalhekk għandhom joqogħdu attenti li ma jfixklux il-proċess tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.

L-Uffiċċju ħareġ sett ta' rakkomandazzjonijiet li għandhom jgħinu biex jinfetaħ is-suq għall-aktar kompetizzjoni u jittama li dan ir-rapport, se jkun strumentali biex jagħmel is-suq tal-provvista tal-uniformijiet ta’ l-iskejjel jiffunzjona aħjar għall-benefiċċju tal-skejjel, ġenituri, fornituri u bejjiegħa. L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni se jkun qed jibgħat kopja ta’dan ir-rapport lil kull kulleġġ tal-istat u lil kull skola tal-knisja u indipendenti f’Malta u Għawdex.

Wieħed jista’ jaċċessa dan ir-rapport fuq: https://secure2.gov.mt/consumer/file.aspx?f=7761

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow