STQARRIJA TAL-AWTORITÀ TAD-DJAR
B’referenza għar-rapport li xxandar il-bieraħ fuq One News u għal rapport li kien ippubblikat illum fl-Orizzont, l-Awtorità tad-Djar tixtieq tiċċara li tul is-snin li għaddew għamlet minn kollox biex tgħin lill-familja Zammit ikollha saqaf fuq rasha u tibqa’ disposta li tgħin lill-familja skont il-ħtiġijiet reali tagħha u skont l-iskemi tal-Awtorità.
Fis-22 ta’ Diċembru 1998, is-Sur George Zammit kien applika għal post tal-Gvern. Fis-27 ta’ Jannar 1999, l-Awtorità tad-Djar allokatlu residenza f’Bormla. Is-Sur Zammit kien ibbenefika wkoll minn Skema 5 li permezz tagħha ingħata €8,334 għal xogħlijiet ta’ titjib fl-istess fond. Is-Sur Zammit kien obbliga ruħu li jibqa’ jgħix f’dan l-appartament għal 10 snin wara li jinħariġlu l-aħħar pagament taħt din l-iskema. L-aħħar pagament taħt din l-iskema inħariġlu fil-15 ta’ Mejju 2009.
Minkejja li s-Sur Zammt kien obbligat li jibqa’ jabita fil-post sal-2019, jirriżulta li hu telaq minn dan l-appartament qabel għaddew l-għaxar snin. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar tkellem direttament mas-Sur George Zammit li min-naħa tiegħu infurmah li kien qed jikri appartament fix-Xgħajra mingħand sid privat. Peress li s-Sur Zammit ma ħallasx il-kera dovuta lill-privat għal numru ta’ xhur, sid l-appartament talbitu jħalli l-appartament. L-Awtorità tad-Djar daħlet għas-Sur Zammit ma’ sid l-appartament u kienet lesta saħansitra tħallas il-kera f’isem is-Sur Zammit. Madanakollu sid l-appartament ma aċċettatx minħabba r-raġunijiet tagħha.
Minkejja li l-Awtorità tad-Djar għandha skema li permezz tagħha jingħata sussidju fuq il-kera għal residenza li inkwilin jikri mingħand il-privat, is-Sur Zammit qatt ma applika għal din l-iskema.
F’din is-sitwazzjoni, l-Awtorità tad-Djar għamlet tajjeb sabiex is-Sur Zammit u l-familja tiegħu joqogħdu f’lukanda għal ġimgħatejn sħaħ sakemm is-Sur Zammit ifittex residenza alternattiva. L-Awtorità tad-Djar offriet ukoll lis-Sur Zammit li tħallaslu il-kirja tal-ewwel xahar malli dan isib akkomodazzjoni alternattiva mingħand il-privat.
Sadanittant tliet ġimgħat ilu l-Awtorità tad-Djar irċeviet applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva mingħand is-Sur Zammit. L-applikazzjoni tas-Sur Zammit tispeċifika li hu jixtieq residenza fil-Kottonera biss. L-Awtorità tad-Djar qed tfittex residenza adekwata għall-familja Zammit fil-Kottonera skont ix-xewqa tal-familja.
L-Awtorità tad-Djar hi infurmata li s-Sur Zammit għandu akkomodazzjoni alternattiva ma’ membri tal-familja tiegħu, madanakollu s-Sur Zammit ried li l-Awtorità tad-Djar tħallas lill-membri tal-familja tiegħu biex hu jmur jgħix magħhom. Din it-talba kienet rifjutata.
Kemm One News kif ukoll L-Orizzont imisshom jivverifikaw il-fatti qabel ma jippubblikaw rapporti li ma jirriflettux ir-realtà.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017