DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE, GONZI, PRIM MINISTRU WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-PROĠETT TA’ RIJABILITAZZJONI FI ĠNIEN VILLA RUNDLE – RABAT, GĦAWDEX - IL-ĦAMIS, 17 TA’ MEJJU 2012
Hu ta’ pjaċir li llum qed ninawguraw ix-xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ li twettqu f’dan il-ġnien storiku li għandu sinifikat speċjali mhux biss għal-lokalità tal-Belt Victoria fejn jinsab, iżda huwa wkoll ikkunsidrat bħala landmark ewlenija fil-gżira ta’ Għawdex.
Kumbinazzjoni qegħdin hawn? Illum ninsabu hawn għaliex bħala pajjiż iddeċidejna li nidħlu fl-Unjoni Ewropea u għaliex il-Gvern għamel għażliet ċari favur tagħkom l-Għawdxin li tgħixu hawn. Għamilna għażliet ta’ kif ninvestu l-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-fondi nazzjonali fi proġetti f’Għawdex
Il-Gvern qiegħed isarraf is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea fi proġetti u inizjattivi ta’ ġid għall-familji Għawdxin partikolarment fix-xogħol u t-taħriġ, fl-infrastruttura u fil-prodott turistiku.
Qed naħdmu biex inkomplu ntejbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-Għawdxin, u nkomplu noħolqu aktar xogħol u kummerċ f’Għawdex biex il-ħaddiema u l-familji Għawdxin iżidu d-dħul finanzjarju tagħhom.
Dan il-proġett, ta’ Villa Rundle, hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea, madankollu mhux l-uniku proġett li għamilna f’Għawdex b’fondi ewropej.
Għamilna għażliet importanti biex insaħħu l-ħiliet taż-żgħażagħ u tal-ħaddiema Għawdxin. Investejna fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi biex aktar studenti u ħaddiema jkunu mħarrġa f’din l-industrija tant importanti. Investejna f’workshops u laboratorji tal-computers fl-MCAST. Għamilna l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri. B’fondi Ewropej saru korsijiet ta’ taħriġ. Ħloqna skema “Employment Aid Programme” li permezz tagħha 450 persuna daħlu f’impjieg ma’ 150 negozju f’Għawdex.
Dawn l-għażliet fl-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol għamilnihom għaliex nafu l-isfidi fil-qasam tax-xogħol. B’riżultat tal-inizjattivi li ħadna l-impjiegi full-time illum huma 9,100 – żieda ta’ 6% fuq dawk li kienu fl-2007.
U biex jiżdied aktar l-investiment u x-xogħol f’Għawdex ħloqna skema ta’ tnaqqis fl-income tax għas-sidien tan-negozji żgħar u medji biex jimpjegaw aktar ħaddiema u jinvestu aktar. Filwaqt li sidien ta’ negozji żgħar f’Malta jiffrankaw 40% mill-income tax, sidien ta’ negozji f’Għawdex jiffrankaw 60%. Sa issa 230 sid ta’ negozju f’Għawdex investew €2 miljun u qed jiffrankaw aktar minn miljun ewro fi tnaqqis mill-income tax. B’hekk aktar flus iduru fl-ekonomija Għawdxija.
Iddeċidejna li ninvestu b’mod qawwi fl-infrastruttura f’Għawdex fosthom it-toroq arterjali, titjib tal-mużew tal-arkeoloġija, ir-restawr tas-swar, iż-Żewwieqa Waterfront u l-proġett ta’ Villa Rundle. Qed nagħmlu proġetti għat-tgawdija tat-tfal, il-familji, il-Maltin li jiġu Għawdex u għat-turisti li jżuru din il-gżira unika. B’dawn il-proġetti qed intejbu wkoll il-prodott turistiku, għaliex nafu li t-turiżmu hu pilastru importanti għalikom.
Xhieda oħra tal-mod kif l-Gvern jagħti kunsiderazzjoni speċjali għal Għawdex hi l-viżjoni Eko-Għawdex. Kien bi pjan maħsub li l-ewwel impjant tat-tisfija tal-ilma għamilnih f’Għawdex. Ridna ntejbu l-kwalita’ tal-ilma baħar, qabel xejn għal Għawdxin, iżda għaliex id-diving hi niċċa turistika importanti għal Għawdex. Għalaqna l-miżbla Tal-Qortin li issa qed tiġi rijabilitata. Għamilna skema aktar vantaġġuża ta’ feed in tariff għal Għawdxin li jagħżlu li jinvestu f’panelli fotovoltajiċi fuq il-bjut tagħhom. Ir-rata li l-Gvern jagħti lill-Għawdxin hi aktar minn dik għall-Maltin.
Illum fostkom hawn għadd ta’ sindki, kumitati amministrattivi kif ukoll membri ta’ għaqdiet mhux governattivi li ħdimtu fuq proġetti u inizjattivi fil-lokalitajiet tagħkom permezz ta’ għajnuna li ngħatat taħt diversi skemi tal-Ministeru għal Għawdex għal Eko-Għawdex.
Bis-sehem tagħkom ukoll beda proċess kontinwu biex din il-gżira tadotta prattiċi ta’ żvilupp sostenibbli fl-oqsma soċjo-ekonomiċi kollha. Dan sabiex nassiguraw li filwaqt li nkomplu ntejbu l-kwalità ta’ ħajja llum, ma nikkompromettux dik tal-ġenerazzjonijiet li se jiġu fil-futur. Eko-Għawdex għalina tfisser ukoll kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Għalik u għall-familja tiegħek.
Sinjuri,
Dan il-ġnien ġie msebbaħ biex ikun vetrina ħajja ta’ Għawdex. Post ta’ mistrieħ u rikreazzjoni għall-familji, post ta’ trankwillità, post turistiku u li joffri ambjent ieħor ideali fejn ikunu jistgħu jittellgħu aktar attivitajiet kulturali li jżidu mal-attrazzjonijiet ta’ matul is-sena.
Ir-rieda politika ta’ dan il-Gvern dwar Għawdex hi ċara: irridu l-aħjar għal Għawdex. Gżira li tkompli toħloq ix-xogħol, fejn ir-residenti jgawdu kwalita’ tal-ħajja għolja. Gżira li tilqgħek u tistiednek tiskopri l-ġmiel tagħha u ta’ pajjiżna, mill-wirt storiku għal dak kulturali, minn dak tradizzjonali għal dak rurali.
L-impenn tagħna jibqa’ dak li nkomplu naħdmu biex inkomplu ntejbu l-prospetti għall-ġejjieni tat-tfal, taż-żgħażagħ u l-Għawdxin kollha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017