DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-KUMPLESS SPORTIV TA’ ĦAL KIRKOP - IL-ĦAMIS, 17 TA’ MEJJU 2012.
Fl-aħħar snin pajjiżna kiseb bosta riżultati pożittivi fl-isports fosthom ir-rebħ tal-kampjonat mondjali fl-isparar, ir-rebħ ta’ diversi midalji minn atleti Maltin fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li saru f’Liechtenstein is-sena li għaddiet, ir-rebħ ta’ unuri mit-tim ta’ Special Olympics u diversi suċċessi internazzjonali oħra fosthom, fil-body building, fil-bowling u fil-powerboats. Kellna diversi atleti u timijiet li għamlu suċċess f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Dan is-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni iżda bl-impenn tal-atleti infushom, bid-determinazzjoni tagħhom kif ukoll b’riżultat tal-politika tal-Gvern illi fl-aħħar erba’ snin ħoloq skemi u inizjattivi għall-iżvilupp tal-isportivi Maltin.
Lil hinn mir-rebħ tal-midalji, il-valuri tal-isports imorru oltre minnhekk. L-isports jgħin fil-formazzjoni tal-karattru tat-tfal u taż-żgħażagħ tagħna; iwassal biex ikollna soċjetà b’saħħitha u huwa wkoll ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-pajjiż għaliex bl-isports jinħoloq ix-xogħol.
L-investiment li qed nagħmlu fl-isports jifforma parti mill-programm tal-Gvern li nibnu soċjetà aktar b’saħħitha mentalment u fiżikament. Għalhekk l-investiment fl-isports jimxi id f’id ma’ investimenti oħra li qed nagħmlu biex it-tfal, iż-żgħażagħ u kull persuna jikbru b’saħħithom.
Irridu li t-tfal jikbru b’saħħithom billi jilqgħu kontra l-mard, jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi; jilagħbu f’faċilitajiet tal-ogħla kwalità fejn jitħalltu ma’ tfal oħra; u jgawdu minn ambjent tajjeb għal saħħithom u saħħitna.
Irridu li l-ġenituri jkollhom moħħhom mistrieħ mis-saħħa ta’ wliedhom u li t-tfal igawdu ħajjithom u jkunu b’saħħithom. Is-sena li għaddiet ingħataw 50,000 tilqima lit-tfal sa 16-il sena biex jilqgħu kontra mard differenti. Dawn ingħataw fiċ-Ċentri tas-Saħħa u fl-Iskejjel. Minn din is-sena qed inżidu tilqima oħra biex nipproteġu lit-tfajliet mis-Cervical Cancer. Din se tingħata lil tfajliet li għandhom 12-il sena u tifforma parti mill-istrateġija tal-Gvern għall-prevenzjoni tal-marda tal-kanċer fost in-nisa. Ħabbarna wkoll strateġija kontra l-obeżità.
Sabiex inkomplu nxettlu l-attività fiżika u l-kultura sportiva, waqqafna l-iSports Promotion Unit fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport u nidejna programmi sportivi ġodda għat-tfal waqt il-ħin tal-iskola lil hinn mill-lezzjonijiet tal-PE. Qed nagħtu fondi lill-Kunsilli Lokali biex jorganizzaw aktar attivitajiet sportivi għat-tfal u l-kbar. Qed inżidu l-għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet sportivi u l-Kunsill Malti għall-Isports qed jorganizza firxa wiesgħa ta’ programmi u attivitajiet sportivi għal kulħadd. B’aktar parteċipazzjoni sportiva jkollna soċjetà aktar b’saħħitha.
F’dawn l-4 snin mhux biss żammejna mal-wegħda li niftħu skola ġdida kull sena iżda dawn l-iskejjel qed ikunu attrezzati b’faċilitajiet sportivi ta’ kwalità sabiex waqt il-ħinijiet tal-iskola jintużaw mill-istudenti u wara l-ħinijiet tal-iskola jintużaw mill-għaqdiet sportivi, u l-Kunsill Malti għall-Isports għall-programmi sportivi. Investejna fi grounds tal-football f’lokalitajiet differenti. Tajna aktar propjetà pubblika lill-għaqdiet sportivi, u għalhekk żdiedu l-faċilitajiet fil-komunità. Immodernizzajna l-Kumpless Sportiv tal-Qroqq u għall-ewwel darba għamilna outdoor gyms.
Is-saħħa mentali u fiżika, u l-kwalità tal-ħajja tat-tfal, tal-ġenituri u tal-familji tiddependi wkoll mill-ambjent li ngħixu fih. Għalhekk investejna fi spazji pubbliċi ġodda bħalma huma l-Adventure Park f’Ta’ Qali, il-Ġnien George Bonello du Puis fi Qui Si Sana, l-estensjonijiet tal-Parks Nazzjonali ta’ Ta’ Qali u tas-Salina u l-ftuħ tal-Park tan-Natura fi Xrobb l-Għaġin. Fil-Mellieħa, flimkien mal-Kunsill Lokali qed nagħmlu park fiż-żona rurali ta’ Selmun b’faċilitajiet sportivi. Dawn kollha qed nagħmluhom biex it-tfal ikollhom aktar spazju fejn jimirħu, jikbru b’saħħithom u jilagħbu f’ambjent sabiħ u ’l bogħod mill-perikli.
Is-saħħa tiddependi wkoll mill-ambjent ta’ madwarna, l-arja u l-baħar. Wara li għalaqna l-miżbliet, bdejna proċess biex inneħħu l-gassijiet. B’hekk qed titjieb il-kwalità tal-arja. Qed ninvestu €28 miljun għar-rijabilitazzjoni tal-miżbliet tal-Magħtab, Wied il-Għajn u l-Qortin f’Għawdex. Dawn se jinbidlu f’parks għall-familji.
Investejna €108 miljun biex bnejna żewġ impjanti f’Malta u ieħor f’Għawdex biex nitrattaw l-ilma qabel dan imur fil-baħar. Aħna l-ewwel pajjiż fil-Mediterran li qed nagħmlu dan, u dan qed nagħmluh għall-ġid ta’ saħħet it-tfal u l-familji.
Saħħitkom għal qalbna. Għalhekk qed ninvestu b’kull mezz: fil-prevenzjoni, fl-isports kif qed nagħmlu llum bl-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, fl-ispazji pubbliċi u b’titjib fl-ambjent.
Sinjuri,
Qed ninvestu fl-atleti u fl-għaqdiet sportivi. Din is-sena qed nagħtu 26 skema differenti. Nidejna skemi għall-iżvilupp sportiv tal-atleti fosthom it-20/20 sports training leave li permezz tagħha l-atleti Nazzjonali qed jitħarrġu waqt il-ħin tax-xogħol. Fil-fatt din l-iskema bdiet mal-atleti li huma ħaddiema tal-Gvern u s-sena li għaddiet estendejniha għall-atleti li jaħdmu mal-privat. Waqqafna wkoll unit fl-armata fejn l-atleti Nazzjonali jistgħu jiġu reklutati biex isiru suldati u fl-istess waqt jitħarrġu waqt il-ħin tax-xogħol fl-isports tagħhom. Minn din is-sena qed nagħtu boroż ta’ studju fl-isports. U propju f’dan il-Kulleġġ li ninsabu fih dalgħodu, minn Settembru li ġej se nkunu qed niftħu l-iskola Nazzjonali tal-isports.
L-isports qed jikkontribwixxi wkoll biex tiżdied l-attività ekonomika u jinħoloq aktar xogħol għall-ħaddiema kemm waqt li jkunu qed isiru l-proġetti sportivi kif ukoll biż-żamma tagħhom u billi qed inġibu f’pajjiżna kompetizzjonijiet internazzjonali u nsaħħu t-turiżmu sportiv. Fil-fatt, kif qal is-Segretarju Parlamentari, f’dawn l-aħħar 3 snin permezz tal-iskema ta’ turiżmu sportiv imnedija f’din il-leġiżlatura ġibna f’pajjiżna 134,000 bednight ta’ sportivi li ħallew €7.3 miljun fl-ekonomija Maltija. Għal din is-sena, il-Gvern qed iżid l-allokazzjoni finanzjarja għal din l-iskema.
Ippermettuli nieħu din l-okażżjoni biex nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma involuti fl-isports f’pajjiżna - intom l-atleti, l-għalliema, l-amministraturi u l-membri tal-għaqdiet sportivi, il-ġurnalisti sportivi u l-eluf ta’ voluntiera. Napprezza d-dedikazzjoni tagħkom. Grazzi ta’ dak li qed tagħmlu għal uliedna, għaż-żgħażagħ tagħna u għal pajjiżna. Id-determinazzjoni tagħkom tagħtina aktar enerġija biex ninvestu aktar f’dan il-qasam.
B’dan il-kumpless sportiv ġdid, li qed isir b’investiment ta’ €3.5 miljun se nkunu qed nimxu pass ieħor ’il quddiem billi nżidu faċilità sportiva oħra tal-ogħla kwalità ma’ dawk eżistenti għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, għall-familji tagħna u għall-atleti Nazzjonali.
Qed ninvestu f’aktar faċilitajiet sportivi tal-ogħla kwalità għall-isportivi u għal uliedna.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017