PROMOZZJONI TA’ STIL TA’ ĦAJJA AĦJAR FIL-KOMUNITÀ
Diversi servizzi b’xejn għall-użu tal-pubbliku
Fuq livell internazzjonali, il-ġurnata ta’ 17 ta’ Mejju 2012 hija ddedikata għall-għarfien fuq il-pressjoni għolja fid-demm. Rapporti mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa juri li l-pressjoni għolja fid-demm hija kklassifika bħala t-tielet fattur li tikkawża xi forma ta’ diżabiltà matul il-ħajja. Din il-kundizzjoni hija relatata mal-istil ta’ ħajja li jgħix il-bniedem.
Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor Joe Cassar waqt li indirizza attività fis-suq ta’ Ħaż-Żebbuġ u li matulha diversi professjonisti tas-saħħa qed jiċċekjaw il-pressjoni tal-pubbliku filwaqt li jwasslu pariri dwar dieti bilanċjati. Il-Ministru qal li l-pressjoni għolja fid-demm ħafna drabi hi bla sintomi u l-probabilità hi li l-individwu ma jkunx jaf li għandu dan, għaliex tiżviluppa maż-żmien. Il-pressjoni għolja nsibuha f’iktar minn 50% tal-popolazzjoni globali.
Hu qal li għaldaqstant l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tirrikomanda li fl-adulti m’għandux jittieħed aktar minn kuċċarina melħ kuljum; ekwivalenti għal 5 grammi kuljum. Il-pressjoni fid-demm tgħola aktar ma’ l-persuna iżżid fil-piż żejjed; tiekol ikel għani fiz-zokkor, xaħam u melħ, tpejjep u ma tagħmilx biżżejjed attività fiżika għal tal-inqas nofs siegħa kuljum. Il-pubbliku hu dejjem imħeġġeġ biex jevita jew jikkontrolla aħjar il-pressjoni għolja fid-demm.
Dr Cassar qal li l-istħarriġ tal-Health Interview Survey li kien sar fost il-Maltin fl-2008 juri li 79% tal-Maltin jiċċekjaw il-pressjoni minn tal-inqas darba f’sena. Dan l-istess studju juri wkoll li t-23% tan-nisa u 22% ta’ l-irġiel qalu li għandhom pressjoni għolja.
Dr Charmaine Gauci, Direttriċi tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qalet li għan priniċipali hu dak li r-rata ta’ pressjoni għolja fid-demm tonqos bi 3% u li sa 2020 tkun niżlet sa 19%. Din il-mira toħroġ mill-istrateġija għall-prevenzjoni u kontroll tal-mard mhux infettiv li ġiet mnedija fis-sena 2010.
Għalhekk il-parir hu li tagħżel stil ta’ ħajja iktar tajba għas-saħħa b’iktar ikel bnin u sustanzjuż. Il-melħ jew dadi fit-tisjir għandhom jitnaqqsu b’mod gradwali. Jista’ jagħti l-każ li xi uħud minna ma jafux kemm qegħdin jikkonsmaw melħ matul il-ġurnata, dan għaliex ħafna mill-melħ ikun moħbi fl-ikel. Ċertu ikel ipproċessat, ‘savory snacks’, u prodotti bħal ġobon fihom ammont ta’ melħ għoli ħafna.
Għaldaqstant il-Maltin huma mħeġġa li jaqraw it-tikketti tal-ikel biex b’hekk jistgħu jintgħażlu prodotti b’inqas melħ. Hu stmat li ħafna mill-melħ ikkunsmat fl-ikel jinstab fi prodotti tal-ikel mixtri lest għal konsum. Diversi studji juru li hemm relazzjoni bejn konsum ta’ melħ fid-dieta u żieda fil-pressjoni.
Il-Ministru Joe Cassar fakkar li l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, flimkien mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenżjoni tal-Mard, ħoloq diversi servizzi biex min irid jista jikseb informazzjoni dwar kif tista’ tiġi kkontrollata l-pressjoni għolja fid-demm permezz ta stil ta’ ħajja tajba.
Is-servizzi offruti jinkludu wkoll programm għal kontrol ta’ piż fejn jingħata tagħrif ta’ kif tista’ tikkontrolla l-pressjoni għolja; dieta tajba u attività fiżika kif ukoll programm ta’ attività fiżika ta’ aerobics fil-komunità. Huwa wkoll rakkomandat li tiċċekkja l-pressjoni minn żmien għal żmien biex tara jkunx hemm xi tibdil u tkun tista’ tikkuraha mill-ewwel. Jingħata wkoll servizz bla ħlas miċ-Ċentri tas-Saħħa u f’outreaches fejn il-pubbliku jista’ jiċċekja l-pressjoni fid-demm u l-Body Mass Index.
Id-Direttorat jippubblika diversi fuljetti informattivi dwar it-tnaqqis tal-melħ u l-piż żejjed u dwar il-qari tat-tikketti tal-ikel għal għażliet għas-saħħa aħjar, u fuljett dwar il-pressjoni għolja. Dawn il-fuljetti jinstabu ukoll fis-sit tal-Ministeru biex minn irid jista’ jaċċesshom faċilment.
Il-Gvern huwa impenjat li jisħaq fuq il-prevenzjoni u fatturi ta’ riskju. Għalkekk joffri servizzi b’xejn ta’prevenzjoni, kura fis-settur tas-saħħa primarja u sekondarja, u trattament b’xejn skont l-iskeda ħamsa biex il-poplu Malti jgawdi saħħa aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017