ŻGĦAŻAGĦ MIT-TAQSIMA TAL-Y.O.U.R.S. IŻURU Ċ-ĊENTRU TAR-RESTAWR TA’ HERITAGE MALTA
Dalgħodu l-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari, Carm Mifsud Bonnici, akkumpanjat mill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco, iltaqa’ ma’ grupp ta’ detenuti żgħażagħ residenti fit-Taqsima tal-Y.O.U.R.S., li tifforma parti mill-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, waqt żjara li kienu qed jagħmlu fiċ-Ċentru tar-Restawr ta’ Heritage Malta f’Bighi.
Il-ħsieb wara din iż-żjara kien biex dawn iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunita li jagħmlu kuntatt dirett mal-wirt kulturali ta’ pajjiżna - mhux biss mal-mużewijiet li għandna - iżda billi jaraw b’għajnejhom it-tħejjijiet li jsiru min-naħa tal-Heritage Malta, sabiex tassigura li l-viżitaturi tal-postijiet kulturali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha jgħaddu minn esperjenza pjaċevoli li tibqa’ tinżamm fil-memorji tagħhom. Għaldaqstant, matul iż-żjara ġie spjegat lil dawk preżenti l-proċessi ta’ konservazzjoni li jsiru f’laboratorji differenti sabiex jiġu mħarsa d-diversi artefatti li jinsabu fil-mużewijiet u siti li qegħdin taħt il-kura ta’ Heritage Malta.
Filwaqt li din iż-zjara serviet bħala opportunita ta’ inklużjoni soċjali, iż-żgħażagħ kellhom ukoll l-okkażjoni biex jitħajru jħarsu lejn l-oqsma tal-kultura jew storja bħala parti mill-għodda li tkun tista’ tgħinhom isaħħu l-proċess tal-iżvilupp personali tagħhom. Wara din l-attività, id-detenuti żgħażagħ żaru wkoll l-Mużew Marittimu fejn ġie spjegat lilhom ix-xogħol li jsir ġewwa dan is-sit.
Il-Ministru Mifsud Bonnici spjega illi din l-attività hija marbuta mar-riformi li qegħdin iseħħu fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, inkluż il-Y.O.U.R.S., fil-kuntest tal-liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Fil-fatt, l-istess liġi titlob li jsir care plan għal kull detenut, liema pjan irid jiġi segwit bir-reqqa mid-detenut bi preparazzjoni għat-talba tiegħu għall-parole jew ir-remissjoni.
Il-Ministru fakkar kif is-settur tal-edukazzjoni fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin kiber b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar erba’ snin. Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ dawn iż-żjarat għaliex permezz tagħhom id-detenuti qed jiġu esposti għal esperjenzi edukattivi u kulturali ġodda bħala parti mill-programm tagħhom ta’ rijabilitazzjoni.
Il-Ministru Mifsud Bonnici rringrazzja lill-Ministru de Marco għall-kollaborazzjoni tiegħu f’dawn l-inizjattivi pożittivi.
Din l-inizjattiva hija parti minn sensiela ta’ attivitajiet oħra li qed torganizza ICOM Malta (The International Council of Museums) fil-kampanja tagħha biex tippromwovi l-35 anniversarju tal-International Museum Day. It-tema għal din is-sena hija Museums in a Changing World: New Challenges, New Inspirations. Dan il-jum se jiġi ċċelebrat fit-18 ta’ Mejju 2012 minn diversi pajjiżi madwar id-dinja kollha, inkluż Malta, bil-ħsieb illi titqajjem kuxjenza pubblika dwar is-sehem importanti tal-mużewijiet u siti kulturali fl-iżvilupp tas-soċjetà.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017