EŻAMIJIET FIL-GOZO CAMPUS
Għall-ewwel darba studenti Universitarji Għawdxin se jkunu jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f’Għawdex stess, bis-saħħa ta’ proġett pilota mmexxi mill-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.
Dan tħabbar mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex flimkien mal-Professur Joe Friġġieri, Pro-Rettur tal-Kampus tal-Università f’Għawdex. Permezz ta’ din l-inizjattiva għadd ta’ studenti Għawdxin li jattendu korsijiet tal-Università f’Malta se jkunu jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-eżamijiet tas-sessjoni ta’ Ġunju fil-Kampus ta’ Għawdex. B’hekk dawn l-istudenti ma jkollhomx għalfejn jivvjaġġjaw jew joqogħdu Malta fi żmien l-eżamijiet.
L-Onor. Giovanna Debono fissret kif din hija inizjattiva oħra li tfittex li toffri aktar servizzi edukattivi f’Għawdex u fl-istess waqt taqdi l-ħtiġijiet partikolari tal-istudenti Għawdxin. Il-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat f’ħidma li tħeġġeġ aktar studenti Għawdxin ikomplu bl-istudji tagħhom wara li jispiċċaw il-korsijiet sekondarji u post-sekondarji f’Għawdex. Il-Ministru Debono esprimiet sodisfazzjon għall-fatt li llum hemm aktar minn 1000 student li qed isegwu korsijiet fl-Università ta’ Malta, li jfisser id-doppju ta’ dawk li kienu jattendu l-Università għaxar snin ilu. Filwaqt li awgurat lill-Professur Friġġieri għall-ħatra tiegħu, hija fissret kif din l-inizjattiva tawgura tajjeb għal aktar żviluppi pożittivi f’dan il-qasam. Il-Ministru Debono faħħret ukoll l-impenn tal-Professur Lino Briguglio li kien strumentali fit-twaqqif taċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex u tul dawn l-aħħar għoxrin sena ħadem biex is-servizzi li jingħataw minnu jibqgħu jissaħħu.
Il-Professur Joe Friġġieri, Pro-Rettur tal-Kampus tal-Università f’Għawdex, spjega li dan il-proġett-pilota qed isir bil-ħsieb li n-numru ta’ eżamijiet li jsiru f’Għawdex għall-istudenti Għawdxin ikompli jiżdied fil-futur. Għal din is-sena se jkun hemm 71 sessjoni ta’ eżamijiet marbutin ma’ seba’ korsijiet differenti. Dan minbarra l-eżamijiet l-oħra konnessi mal-korsijiet offruti fil-Kampus tal-Università f’Għawdex matul is-sena akkademika.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017