IL-MINISTRU GEORGE PULLICINO JATTENDI L-KUNSILL EWROPEW TAL-MINISTRI TAL-AGRIKOLTURA U S-SAJD FI BRUSSELL
Il-Ministru George Pullicino il-bieraħ u llum attenda għall-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd fi Brussell.
Waqt id-diskussjonijiet tal-bieraħ fuq is-sajd, il-Ministru Pullicino saħaq li l-qabda massima għall-ispeci ta’ ħut għandha tkun deċiża fuq livell reġjonali. Dan għaliex, bħal per eżempju fil-każ tal-Mediterran l-istokks tal-ħut huma maqsumin ma’ pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk huwa importanti li mhux biss ikun hemm maneġjar konġunt ma’ pajjiżi terzi fir-reġjun, iżda li l-Unjoni Ewropea jkollha mandat li tiżgura l-infurzar. Il-Ministru semma wkoll ir-realtajiet partikulari tan-natura tas-sajd fil-Mediterran, fejn hija karaterizzata minn tagħmir u speċi differenti. Din toħloq sfida kbira fir-rigward ta’ ġbir ta’ informazzjoni preċiża dwar il-kunsiderazzjoni ekonomika u bijoloġika tal-istokks tal-ħut.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-Fond Ewropew tas-Sajd u Marittimu. Il-Ministru Pullicino saħaq fuq il-ħtieġa ta’ baġit qawwi għas-sajd, fejn is-settur artiġjanali u ta’ skala żgħira jkunu ta’ prijorità.
Id-diskussjonijiet ta’ llum kienu ffukati fuq l-aspetti ekoloġiċi u ambjentali tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni. Il-Ministru saħaq li l-miżuri ambjentali relatati mar-riforma għandhom ikunu flessibli biżżejjed biex ikunu adatti għall-mudelli differenti tal-agrikoltura li jeżistu fl-Ewropa u fil-Mediterran. Bħala miżura fil-prattika, il-Ministru ppropona li minflok il-bidwi jħalli l-art mhux maħduma, jingħata l-inċentiv li jkabbar is-silla, li għanda effetti pożittivi ambjentali. Fost dawn l-effetti pożittivi hemm li tipprovdi aktar nektar għan-naħal selvaġġ, iżżid il-livell ta’ nitoġenu fil-ħamrija, toffri kenn għall-fawna selvaġġa u tipproteġi l-ħamrija mix-xita.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017