FTUĦ TA’ UFFIĊĊJI ĠODDA GĦAS-SERVIZZ GĦOŻŻA
Il-Ministru Cristina tisħaq dwar l-importanza tal-Familja
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina dalgħodu saħqet dwar l-importanza tal-familja u l-appoġġ li l-familja għandha tagħti lill-membri tagħha li jiġu bżonn l-għajnuna. Illum hawn diversi servizzi u għajnuna u kulmin jiġi bżonnhom għandu jirrikorri għalihom. Dan l-appell sar waqt l-inawgurazzjoni tal-uffiċċji ġodda tas-Servizz Għożża, f’Ħal Qormi.
Is-Servizz Għożża jingħata mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi lil dawk it-tfajliet li joħorġu tqal waqt li jkunu għadhom l-iskola.
Is-servizz għal ommijiet żgħażagħ taħt it-18-il sena, beda jingħata sa mill-1991, b’mod professjonali u dejjem kellu t-timbru ta’ servizz li ngħata mhux biss b’mod professjonali imma anke bl-imħabba u b’mod uman.
Hawnhekk it-tfajla tħossha aċċettata u ssib persuni li tista’ tiftaħ qalbha magħhom. L-ambjent fejn jingħata dan is-servizz u n-nies li jagħtuh, huma parti mis-suċċess tiegħu.
Il-Ministru Cristina fissret kif fil-bidu l-programm kien mogħti lit-tfajliet waqt it-tqala tagħhom. Aktar tard infetaħ aktar u bdew jattendu għalih it-tfajliet bit-tarbija tagħhom sakemm it-tfal jilħqu l-età li jidħlu fl-iskejjel. Għas-servizz jistgħu jattendu wkoll il-ġenituri u l-boyfriend – il-missier tat-tarbija u anke lill-ġenituri tiegħu.
Ħafna drabi l-ġenituri tat-tfajliet li kienu joħorgu tqal jingħataw l-aħbar min-nies li jaħdmu f’dan is-servizz u l-ġenituri jkunu megħjuna jaċċettaw it-tqala ta’ binthom u jgħinu fit-twelid tat-tarbija. Jekk ma jkunx hekk, id-diffikultajiet għat-tfajla omm ikunu kbar ħafna u għalhekk hu meħtieġ l-appoġġ tal-ġenituri fi żmien hekk delikat għall-istudenta. Matul dawn l-aħħar 21 sena ħafna żgħażagħ ibbenefikaw minn dan is-servizz.
Skop ieħor tal-programm hu li jkun ta’ sostenn għat-tfajliet u jgħinhom biex joħorgu l-kapaċitajiet kollha tagħhom u jħeġġiġhom ikomplu jistudjaw, kif fil-fatt jagħmlu numru ta’ tfajliet bl-għajnuna li jsibu mill-ġenituri tagħhom li jeħdulhom ħsieb it-tarbija waqt il-ħin tal-iskola sakemm it-tfal jibdew imorru f’xi Child Care Centre.
Il-programm jgħin lit-tfajliet jiskopru t-talenti moħbija tagħhom kif ukoll il-kapaċitajiet li għandhom, jintegraw ruħhom fis-soċjetà, jaqilgħu għajxien diċenti filwaqt li jkunu qed jagħtu servizz lis-soċjetà.
Iċ-ċentru l-ġdid li kien nawgurat illum fih kmamar spazjużi u mgħammar bl-apparat meħtieġ li jippermetti li l-programmi jkunu aktar interattivi u għandu jgħin biex jingħata servizz b’mod dejjem aktar professjonali.
Element importanti tas-Servizz Għożża hu li tinżamm il-privatezza tat-tfajliet li jirrikorru għal dan is-servizz. F’pajjiż żgħir bħal tagħna, fejn kulħadd jaf lil kulħadd, hu importanti li t-tfajliet iħossuhom komdi jersqu għand l-Għożża fejn jafu li se jsibu l-għajnuna li għandhom bżonn, b’moħħom mistrieħ.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni appellat lit-tfajliet biex jersqu għal dan is-servizz meta jiġu bżonnu għax dan joffri diversi programmi li jgħinu lit-tfajla mhux biss taffronta t-tqala b’serenità u jħejjiha għal xi problemi kemm fiżiċi kif ukoll psikoloġiċi li jistgħu jinqalgħu, imma jippreparaha wkoll għall-maternità li hi esperjenza mill-isbaħ li tagħti ħafna sodisfazzjon.
It-tqala f’età bikrija mhux xi fenomenu tal-lum. Anqas hu fenomenu marbut ma’ xi sezzjoni partikolari ta’ tfajliet. Din hi esperjenza li t-tfajliet jistgħu jgħaddu minnha u għalhekk irridu nippreparawhom għaliha. Għalkemm l-ideali hu li l-ommijiet ikunu preparati minn qabel, it-tqala fi tfajliet adoloxxenti hi realtà li qed ngħixuha. Din m’għandniex inqisuha bħala xi disgrazzja imma rridu naffrontaw is-sitwazzjoni u nħarsu lejn bħala avveniment li jġib miegħu ħolqien ġdid ta’ tifel jew tifla li għandhom dritt jitrabbew f’ambjent ta’ familja.
Għalhekk hu importanti s-sostenn tal-ġenituri u l-familjari li jibqgħu jappoġġjaw lit-tfajla-omm u jinkoraġġuha biex wara t-twelid tat-tarbija, tirritorna lejn il-bankijiet tal-iskola u tkompli bl-istudji tagħha għax dan hu fl-interess tagħha nnifisha u tat-tarbija li tkun għadha kif welldet.
Bl-għajnuna tal-missier tat-tarbija, tal-ġenituri, tal-familja u bis-servizzi li joffri l-istat, it-tfajla għandha ssib l-appoġġ kollu li għandha bżonn biex tkompli miexja ’l quddiem u tibni futur sabiħ għaliha u għat-tarbija tagħha.
Il-Ministru rringrazzjat lid-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent li jmexxi din il-unit u lill-ħaddiema soċjali u counsellors kollha li jagħtu s-servizz tagħhom b’dedikazzjoni, imħabba u għożża lit-tfajliet li jersqu għal dan is-servizz kif ukoll lil dawk li bdew dan is-servizz żmien ilu.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli, l-Assistent Parlamentari Stephen Spiteri, id-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi Micheline Sciberras.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017