STQARRIJA TAL-GVERN
Il-Partit Laburista qiegħed jirrikorri għal strateġija ta’ gideb qabel jiltaqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej. Il-Kumitat se jiddiskuti l-mozzjoni żbaljata li ppreżenta Dott George Vella dwar il-Partnership for Peace.
Il-media tal-Partit Laburista qed tivvinta li l-bieraħ saret laqgħa f’lukanda bejn ic-Chairman tal-Kumitat Parlamentari Francis Zammit Dimech u r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea Richard Cachia Caruana. Din il-qlajja’ diġa` ġiet miċħuda ma’ One News stess mic-Chairman tal-Kumitat, madanakollu l-media laburista baqgħet tirrepetiha. Li l-media laburista baqgħet tirrepeti allegazzjoni li ġiet miċħuda tikxef l-ingann tal-Partit Laburista.
Filwaqt li l-laqgħa li vvintat il-media laburista mhux veru saret, anki kieku saret dan mhux rilevanti għad-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari. Dan għaliex il-Kumitat mhux xi Qorti Kriminali, kif qed jippretendi li hu l-Partit Laburista. Għalhekk hu ċar li l-Partit Laburista mhux interessat mill-fatti u mill-verita`.
Il-Partit Laburista jaħseb li jista’ jingħata raġun billi jipprova jdawwar il-Parlament f’kangaroo court billi jivvinta u jsabbat saqajh.
Il-Partit Laburista m’għandux il-kuraġġ li jammetti li ma fehem xejn mill-cable tal-Wikileaks u issa flok jammetti li żbalja qiegħed jipprova juża stateġija ta’ intimidazzjoni. Il-Partit Laburista mhux kapaċi jkun oġġettiv.
Dott Muscat, irid jerġa’ jirrendi l-Parlament kif kien fis-snin sebgħin u tmenin. Dan hu disprezz lejn il-Parlament u d-demokrazija ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017