Left arrow Mur Lura

L-EWWEL PAGAMENTI TAL-BENEFIĊĊJU TAL-MATERNITÀ GĦALL-ĠIMGĦAT ADDIZZJONALI SE JINĦARĠU GĦADA

pr1064
Date Icon 11/05/2012

L-ewwel pagamenti tal-benefiċċju tal-maternità għall-ġimagħtejn addizzjonali fil-leave tal-maternità se jinħarġu għada s-Sibt 12 ta’ Mejju 2012.  Dan il-benefiċċju, li jitħallas mill-Gvern fuq il-ġimgħat addizzjonali fil-leave tal-maternità, tħabbar fil-Budget 2012 u daħal b’seħħ mill-1 ta’ Jannar li għadda.

Fil-jiem li għaddew uħud mill-ommijiet li applikaw biex jirċievu dan il-benefiċċju, u li diġa nħadmilhom il-benefiċċju, irċevew SMS li fih kien spjegat lilhom kif il-kont bankarju se jkun ikkreditat bil-flus sa minn għada s-Sibt. Mill-ġimgħa d-dieħla se jibda proċess regolari ta’ kull ġimgħa biex l-applikazzjonijiet li jidħlu, u li jkun fihom l-informazzjoni kollha, jiġu pproċessati bla telf ta’ żmien.

Il-ħlas tal-benefiċċju se jkun possibbli wara li nhar l-Erbgħa li għadda l-Parlament approva l-emendi għall-Att tas-Sigurtà Soċjali li permezz tagħhom dan il-benefiċċju għall-ġimagħtejn addizzjonali ta’ leave tal-maternità se jkunu jistgħu jitħallsu mill-Gvern.  Fil-ġimgħat li għaddew inħadem software apposta sabiex il-benefiċċju għall-ġimgħat addizzjonali tal-leave tal-maternità jkun jista’ jinħadem. Is-software ġie ttestjat u verifikat li qed jaħdem tajjeb.

Kif tħabbar fil-Budget 2012, il-ġimgħat addizzjonali fil-leave tal-maternità se jitħallsu mill-Gvern bir-rata fissa ta’ €160 fil-ġimgħa. L-istess jgħodd għall-ġimagħtejn addizzjonali oħra li se jidħlu b’effett mill-1 ta’ Jannar li ġej u li permezz tagħhom il-leave tal-maternità se jitla’ għal 18-il ġimgħa. L-erbatax-il ġimgħa leave tal-maternità se jibqgħu jitħallsu minn min iħaddem.

L-ommijiet li kienu bil-leave tal-maternità hekk kif bdiet l-2012 bdew jibbenefikaw mill-ewwel u b’mod awtomatiku mill-ġimagħtejn addizzjonali ta’ leave tal-maternità. L-istess jgħodd għall-ommijiet li ħadu l-leave tal-maternità fl-ewwel xhur ta’ din is-sena.  L-ommijiet li jagħżlu li jieħdu l-ġimagħtejn addizzjonali iridu japplikaw għall-benefiċċju billi jimlew formola apposta li jiksbu mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq SPIC 159 jew inkella il-Call Centre tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali fuq 25903000.

Ta’ min ifakkar li fis-snin li għaddew ittieħdu diversi inizjattivi sabiex jgħinu lill-familji u lill-ommijiet. Fil-Budget 2012, l-iskema għan-nisa li jirritornaw fid-dinja tax-xogħol ma jħallsux taxxa fl-ewwel sena kienet estiża għal sena oħra. S’issa ibbenefikaw 8,600 mara li bejniethom iffrankaw aktar minn €10 miljun f’taxxa. Fix-xhur li għaddew kompliet titwettaq il-wegħda tat-Tnaqqis fit-Taxxa tad-Dħul hekk kif iddaħħlet komputazzjoni ġdida ghall-ġenituri.  Koppja ta’ ġenituri li qed irabbu t-tfal u qed jibqgħu jaħdmu qed igawdu minn tnaqqis fit-taxxa li jvarja bejn €150 u €840.  Barra minn hekk f’Jannar li għadda diġa tħallset ir-rata fissa ta’ children’s allowance għal kull tifel u tifla li issa telgħet b’€100 għal €350.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow