DISKORS TAĊ-CHAIRMAN-DESIGNATE TAL-MALTA ENTERPRISE LAWRENCE ZAMMIT WAQT L-INAWGURAZZJONI TAS-SAFI AVIATION PARK, ĦAL SAFI – IL-ĦAMIS 10 TA’ MEJJU 2012
L-okkażjoni tal-lum – il-ftuħ ta’ l-Aviation Park hija eżempju ieħor, u eżempju ċar ħafna, tal-mod kif pajjiżna qed jirnexxielu jegħleb l-isfidi ekonomiċi li ġejjin mill-qagħda ekonomika internazzjonali.
Ilna għal dawn l-aħħar snin nassistu għal krizi f’numru ta’ pajjiżi li għandhom ekonomija avvanzata ferm aktar minn tagħna, filwaqt li ekonomiji oħra qegħdin dejjem jirrankaw u jimxu ’l quddiem. Ħafna minn dawn l-ekonomiji qegħdin jisfruttaw il-pagi baxxi f’pajjiżhom u l-proċess ta’ globalizzazzjoni.
L-isfidi globali kienu jirrikjedu tibdil. Pajjiżna ma setax jibqa’ fejn kien imma ried jibqa’ dejjem jiġġedded – tiġdid ippjanat, ibbażat fuq strateġija ċara. L-Aviation Park li qed jiġi inawgurat illum ma ġiex mix-xejn imma ġie minn żerriegħa li nżergħat numru ta’ snin ilu, li wara saret xitla, u issa hija siġra li qed tagħti l-frott, li min f’ħin u min f’ieħor kulħadd ħa ħsiebha. U għalhekk huwa eżempju ħaj tal-mod kif bħala pajjiż qegħdin dejjem infittxu u nsibu dawk l-opportunitajiet li jagħtuna vantaġġ fuq il-kompetituri tagħna.
Ma tistax ma tinnutax b’sodisfazzjon kif aħna dejjem tajna importanza sħiħa lill-ekonomija reali, jiġifieri il-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi, flok immorru niġru wara ideat li meta tistudjahom tinduna li ma jkollhomx sustanza. Dan kien ukoll possibli minħabba tmexxija għaqlija tal-finanzi pubbliċi, li allura żgurat li jkollna biżżejjed risorsi għal investimenti bħal dan tal-lum. Din kienet ukoll mezz ieħor ta’ kif għelibna l-isfidi globali fejn investituri jfittxu pajjiżi li kienu kapaċi ma jidħlux fi krizi ta’ dejn pubbliku.
Ninnutaw ukoll li llum fost il-persuni li hawn preżenti għal dan l-avveniment għandna studenti tal-MCAST li qegħdin jistudjaw suġġetti li forsi snin ilu lanqas biss konna noħolmu li qatt setgħu jiġu mgħallma f’pajjiżna. Naturalment dan huwa wkoll frott tal-investiment qawwi li sar fl-edukazzjoni. Illum pajjiżna jista’ jixhed illi hemm rabta qawwija bejn il-kwalità tal-edukazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. U kapaċi nkompli noħolqu l-impjiegi minħabba dak it-tajjeb kollu li sar fl-edukazzjoni. Fid-dinja tal-lum aħna qatt ma nistgħu, u m’għandniex, nikkompetu ma’ pajjiżi li għandhom pagi ferm anqas minn tagħna. Iżda nistgħu nikkompetu f’oqsma li jagħtu valur lill-kwalità, il-bżulija, l-effiċjenza tar-riżorsi umani tagħna.
Jiena ċert li l-Aviation Park li qed ninawguraw illum ser jipprovdi mezz ta’ għajxien lil numru ta’ Maltin, f’diversi tipi ta’ impjiegi, għax l-isfidi globali wkoll qegħdin jitolbuna li jkollna ekonomija diversifikata. Il-Malta Enterprise hija konxja minn dawn l-isfidi u ser tibqa’ taħdem biex issib opportunitajiet ġodda ta’ investiment u ssaħħaħ l-investiment li diġà għandna f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017