DISKORS MIĊ-CHAIRMAN TAL-MALTA ENTERPRISE, ALAN CAMILLERI, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAS-SAFI AVIATION PARK, ĦAL SAFI – IL-ĦAMIS 10 TA’ MEJJU 2012
Onorevoli Prim Ministru,
Onorevoli Ministri,
Mistiedna Distinti,
Sinjuri,
Huwa bi pjaċir kbir li nilqagħkom fil-Park tal-Avjazzjoni ta’ Ħal Safi fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tiegħu.
Huwa aktar ta’ pjaċir li ninnota li dan l-investiment huwa investiment li diġà beda jagħti l-frott, li diġà qed joħloq il-ġid u x-xogħol. Il-kunċett ta’ Aviation Park huwa riżultat ta’ ppjanar strateġiku. Il-ħolqien ta’ industrija ġdida - għal kull ekonomija - tirrikjedi infrastuttura, ħiliet u investituri. Mingħajr dawn it-tliet komponenti l-ebda industrija, fl-ebda settur, ma tista’ teżisti.
Filwaqt li kemm it-taħriġ fil-ħiliet u l-investituri kienu preżenti, l-infrastruttura kienet nieqsa u għaldaqstant l-industrija tal-avjazzjoni, għalkemm waħda li għandha prospetti tajbin għal Malta, ma setgħetx tikber daqs kemm nixtiequha.
Barra minn dan, billi nipprovdu l-infrastruttura li hemm bżonn, inkunu qed intejbu l-kompetittività ta’ Malta f’dan is-settur u nagħmlu lil pajjiżna aktar attraenti għall-investituri lokali u barranin, li issa jistgħu jgawdu mill-vantaġġi li faċilità ta’ dan it-tip biss tista’ toffri.
Filwaqt li f’dawn l-aħħar snin kellna suċċess fis-settur tal-manutenzjoni tal-ajruplani, importanti wkoll li nibdew inħarsu lejn aspetti oħra fl-industrija tal-avjazzjoni għaliex nemmnu li huwa aktar importanti li nibnu cluster madwar operaturi eżistenti sabiex inkomplu noħolqu proposta kompetittiva f’industrija li aktar ma jmur qiegħda tibbaża ruħha fuq it-tnaqqis tal-ispjjeż.
U hawnhekk bi pjaċir nirreferi għall-aħbar li tħabbret dalgħodu, fejn il-kumpanija Aviation Cosmetics, li tipprovdi servizzi ta’ spray-painting u refitting tal-ajruplani, se tkun qed tingħaqad mal-kumpaniji li diġà joperaw mill-Park, il-Medavia u l-SR Technics. Huwa preċisament dan li qed nirreferi għalih meta nitkellem fuq il-cluster tal-avjazzjoni. Bi pjaċir ninnota li kemm l-SR Technics kif wkoll il-Lufthansa Technik diġà wrew l-interess tagħhom sabiex jaħdmu u jużaw is-servizzi tal-kumpanija Aviation Cosmetics ġaladarba din tibda topera minn dan il-Park.
Però dan mhux kollu. Dan il-Park ser ikompli jikber bl-investiment ta’ Head Office ġdid tal-Medavia, filwaqt li huwa ta’ pjaċir għal SR Technics li jkomplu joperaw u jikbru f’dan il-Park u mhux f’Park 4 kif oriġinarjament kien intiż. Dan jagħmel il-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi wieħed vibranti u ħaj.
Is-settur tal-avjazzjoni madankollu huwa aktar mifrux minn dan, u importanti nifhmu s-suċċessi li qed jiġu rreġistrati huma suċċessi notevoli. Il-ħolqien ta’ reġistru tal-avjazzjoni qed jikkumplimenta s-settur tal-manutenzjoni tal-ajruplani. Filwaqt li diġà għandna investituri barranin fil-qasam tal-operat ta’ VIP Charters li joperaw minn Malta, dawn l-aħħar xhur wieħed mill-akbar operaturi globali f’dan il-qasam beda l-proċess biex jirriloka l-operat tiegħu kollu ġewwa Malta. Dan ser jinvolvi wkoll ir-reġistrazzjoni ta’ numru sostanzjali ta’ private jets fuq ir-reġistru tal-avjazzjoni u ser joħloq iktar minn tletin post tax-xogħol speċjalizzat.
Sinjuri,
Għandna nkunu kburin bir-riżultati li qed jikseb pajjiżna hekk kif għadu kif ingħata rikonoxximent importanti meta l-Malta Enterprise ingħatat l-Investment Promotion Award 2012 mill-organu ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan huwa unur li jippremja l-aħjar prattiċi madwar id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni tal-investiment barrani u kien direttament marbut mal-qasam tal-avjazzjoni għaliex ingħata għall-isforzi li għamel il-Gvern, u mmirat speċjalment għas-sħubija li l-Malta Enterprise għamlet mal-kumpanija SR Technics sabiex tħarreġ lil dawk li kienu ħaddiema tat-tarzna biex isiru tekniċi fis-settur tal-avjazzjoni.
Prim Ministru, Ministru, Sinjuri,
Illejla huwa l-aħħar jum tiegħi bħala Chairman tal-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks Limited. Nixtieq nagħlaq fuq nota personali fejn nirringrazzja lil dawk kollha li kellhom fiduċja fija, u lil dawk li ħdimt magħhom f’dawn l-aħħar erba’ snin. Kienet esperjenza unika u nħossni onorat li qdejtha bir-responsabbiltajiet kollha li ġġib magħha. Minn qalbi, Grazzi!
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017