DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU WAQT L-INAWGURAZZJONI TAS-SAFI AVIATION PARK, ĦAL SAFI – IL-ĦAMIS 10 TA’ MEJJU 2012
Onorevoli Ministri
Mistiedna distinti
Sinjuri
Illum flimkien magħkom qegħdin nassistu għal pass ieħor fil-mixja ta’ pajjiżna. Mixja sabiex pajjiżna jkompli joħloq aktar xogħol u xogħol aħjar.
Din hi l-mira tagħna – li flimkien noħolqu x-xogħol għalik, u xogħol bi dħul tajjeb.
Il-lejla rajna esperjenzi ta’ żgħażagħ, ta’ ħaddiema, ta’ investituri li tkellmu dwar it-taħriġ u x-xogħol f’pajjiżna. Dawn l-esperjenzi jemozzjonawk għaliex jagħtu ħajja lid-deċiżjonijiet politiċi li nkunu qed nieħdu. Dan li qed nagħmlu hu għalikom iż-żgħażagħ u l-ħaddiema tal-lum u ta’ għada.
Il-Gvern jirsisti kuljum biex jinħolqu aktar impiegi f’pajjiżna. Filwaqt li qed nagħmlu dan, qed ninvestu b’mod qawwi fl-edukazzjoni. F’kull livell. Qed nagħtu ċ-ċavetta lil kull tifel u tifla, lil kull żagħżugħ u żagħżugħa, lil kull ħaddiem u ħaddiema biex jirnexxu u jagħmlu suċċess. Għalhekk qed ninvestu fl-apparat u l-laboratorji fl-iskejjel, fil-campus tal-MCAST, fl-għalliema, fl-ischolarships u qed nagħtu u frixna aktar l-istipendju. Qed ninvestu aktar fit-taħriġ, biex anki ħaddiema ta’ erbgħin u ħamsin sena jakkwistaw ħiliet ġodda u jkunu jistgħu jtejbu l-impieg tagħhom. L-MCAST u l-ETC joffru korsijiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema ta’ din l-età.
L-opportunità quddiemna, rappreżentata b’dan il-bini modern - simbolu ieħor tal-ekonomija u tal-viżjoni tagħna – ma nibtitx illum. Hi riżultat ta’ deċiżjonijiet li ħadna, biex illum hawn aktar minn 1,000 ħaddiem f’din l-industrija tal-avjazzjoni.
Il-Gvern irid li s-settur tal-avjazzjoni jiżviluppa u jikber. Għalhekk investejna €17 miljun fis-Safi Aviation Park. Kif smajtu, sa dalgħodu stess, ħabbarna investiment privat ieħor ġdid f'dan il-Park. Aviation Cosmetics se jinvestu €22 miljun fil-bini ta’ żewġ hangars u se jinħolqu aktar impiegi.
Sinjuri,
Tul dawn l-aħħar snin kellna nieħdu numru ta’ deċiżjonijiet strateġiċi. Waħda minnhom kienet li jew inkomplu nagħtu sussidji fl-industriji tal-bieraħ, jew inkella ninvestu fl-industriji li qed jevolvu u fl-industriji ta’ għada.
Għażilna l-aħjar interess tal-ħaddiema biex noħolqu aktar xogħol. Emminna fil-potenzjal tal-Maltin, investejna biex pajjiżna jkun ċentru reġjonali ta’ kwalità f’oqsma differenti bi dħul tajjeb għall-ħaddiema.
Komplejna ninċentivaw l-industrija li ilha stabbilita f’pajjiżna u li qed tiġġedded biex iżżid l-investiment u l-impiegi f’pajjiżna. Saħħaħna l-inċentivi u fassalna skemi ġodda għall-fabbriki u għas-sidien tan-negozji żgħar u medji. Dawn ukoll urew il-fiduċja tagħhom fil-viżjoni li qed inwettqu u komplew jinvestu u jimpjegaw aktar ħaddiema.
L-investituri fis-settur tal-avjazzjoni emmnu fil-potenzjal u fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna. Urew fiduċja u investew. Investew f’pajjiżna u fil-ħaddiema tagħna.
Illum għandna settur finanzjarju fost l-aktar b’saħħithom fid-dinja. Nospitaw numru dejjem jikber ta’ kumpaniji barranin u llum is-settur finanzjarju jimpjega aktar minn 12,000 ħaddiem.
Minn settur tal-manifattura jiddependi kważi għal kollox fuq it-tessuti, pajjiżna illum jilqa’ fabbriki b’valur għoli miżjud. Malta saret ċentru importanti fil-manifattura ta’ prodotti mediċi, b’investiment dejjem jikber. Il-ħaddiema f’pajjiżna jipproduċu apparat mediku u li jintuża fost l-aqwa sptarijiet.
Dħalna f’oqsma ġodda fl-inġinerija u l-elettronika. Fabbriki f’pajjiżna jipproduċu fost l-aktar ċipep elettroniċi avvanzati.
Investejna fl-infrastruttura neċessarja tal-komunikazzjoni u llum għandna kumpaniji rinomati u ewlenin tal-ICT f’pajjiżna.
Ġibna f’pajjiżna industrija ġdida oħra, dik tar-remote gaming. Pajjiżna sar ċentru globali f’dan il-qasam b’numru dejjem jikber ta’ kumpaniji internazzjonali jiftħu f’pajjiżna u li jħaddmu aktar minn 5,000 persuna.
Il-prijorità tagħna hi x-xogħol tiegħek. Il-prijorità tagħna hi x-xogħol ta’ uliedek. Għalhekk qed inkomplu niġbdu aktar industriji ġodda li qed jiżviluppaw biex dawn ikunu sors ta’ investiment u ta’ ħolqien ta’ impiegi.
Fassalna strateġija għal-logħob diġitali u attirajna lejn xtutna wieħed fost l-aqwa ismijiet f’dan is-settur flimkien mal-kumpanija ġdida tiegħu.
Qed ninvestu fl-ekonomija tal-kreattività u l-innovazzjoni, biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għaż-żgħażagħ.
Qed ninvestu aktar fil-green economy, biex jinħolqu impiegi ġodda f’dan is-settur.
Qed isir il-bini tal-kampus il-ġdid b’investiment ta’ €30 miljun, biex jinħolqu impiegi ġodda fil-bijo-teknoloġija u l-life sciences.
Sinjuri
B’fiduċja fil-ħaddiema tagħna u fl-investituri, l-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber b’rata mgħaġġla u toħloq aktar xogħol. Il-politika tagħna dejjem kienet favur it-tkabbir ekonomiku. Id-direzzjoni strateġika tagħna kienet u hi: ekonomija b’saħħitha li toħloq ix-xogħol u l-ġid li jwassal għal ħajja xierqa tal-familji tagħna. F’erba' snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol, naqqasna l-qgħad u naqqasna d-defiċit ta’ pajjiżna. Konna fost il-ftit li għamlu dan kollu fl-Unjoni Ewropea.
Il-bażi ekonomika hi b’saħħitha. Iżda hi b’saħħitha għaliex nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, kuljum. Deċiżjonijiet b’responsabbiltà, bil-għaqal u li jħarsu fit-tul.
L-investiment fis-Safi Aviation Park hi għażla oħra fil-mixja biex noħolqu aktar xogħol.
Flimkien qed noħolqu x-xogħol. Għalik.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017