INVESTIMENT TA’ NOFS MILJUN EWRO FIĊ-ĊENTRU TAS-SAĦĦA TAR-RABAT
Pass ieħor il-quddiem fil-qasam tal-kura primarja
Iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat ser jiġi mmodernizzat b’investiment ta’ nofs miljun Ewro bl-iskop li jiżdiedu s-servizzi, il-pazjent jinqeda aħjar u l-professjonisti jaħdmu f’ambjent aktar prattiku.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor. Joe Cassar waqt żjara fiċ-ċentru tas-saħħa u matulha ingħataw id-dettalji tal-proġett. Il-Ministru Joe Cassar qal li l-kura primarja qed tkompli tiġi msaħħa permezz ta’ dan l-investiment li fil-prattika se jissarraf mhux biss f’ambjent isbaħ u modern imma wkoll f’post li fih il-professjonisti tas-saħħa se jkunu jistgħu jaqdu lill-pazjent b’aktar faċilità, filwaqt li l-bini minnu nnifsu se jkun jippermetti l-użu ta’ apparat mediku speċjalizzat.
Il-Ministru qal li ċ-ċentru joffri servizzi lil madwar 35,000 persuna li joqogħdu r-Rabat, Ħad-Dingli, Ħ’Attard, l-Imtaħleb, il-Baħrija, l-Imtarfa u fl-inħawi tal-Buskett. Is-sena li għaddiet ingħataw aktar minn 1,200,000 servizz mill-bereġ u miċ-ċentri tas-saħħa f’Malta. Minnhom, 55,000 ingħataw miċ-ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.
Minħabba n-natura tax-xogħlijiet, għal raġunijiet ta’ sigurtà, is-servizzi li jingħataw miċ-ċentru se jiġu trasferiti lejn post ieħor temporanjament meta jibda x-xogħol. Ir-residenti tal-inħawi milquta se jiġu mgħarrfa dwar dan aktar il-quddiem. Ladarba jitlesta x-xogħol, is-servizzi offruti se jiżdiedu permezz ta’ klinika oħra għat-tobba, u wkoll dik li tissejjaħ Wound Clinic.
Joe Cassar qal li dan l-investiment fil-kura primarja kien possibbli wkoll minħabba l-fatt li l-baġit allokat għas-settur tas-saħħa għal din is-sena żdied b’29 miljun Ewro.
Brian St John, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, liema Fondazzjoni qed tmexxi l-proġett, qal li l-proġett jinvolvi tibdil strutturali kif ukoll bidla tas-servizzi kollha fiċ-ċentru tas-saħħa, bħal dawk tal-ilma u d-dawl. Ser isiru wkoll alterazzjoniijiet sabiex jiġu akkomodati s-servizzi l-ġodda, xogħol ta’ restawr, u xogħol ieħor li se jiffaċilita l-aċċess għaċ-ċentru li se jwassal biex iċ-ċentru jkollu aċċess dedikat għalih biss.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FMS spjega kif , fost affarijiet oħra se jiġu installati solar water heating system, sistema ta’ arja kundizzjonata maċ-ċentru kollu u wkoll sistemi ta’ fire detection u CCTV kif ukoll alarms sabiex jiggarnatixxu s-sigurtà tal-persuni li jkunu fil-bini.
Il-Ministru Joe Cassar temm billi rringrazzja lill-ħaddiema u professjonisti kollha li jaħdmu f’dan iċ-ċentru li fi ftit xhur oħra se jkollhom post tax-xogħol ferm aktar modern.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017