Left arrow Go Back

INVESTIMENT TA’ NOFS MILJUN EWRO FIĊ-ĊENTRU TAS-SAĦĦA TAR-RABAT

pr1046
Date Icon 08/05/2012

Pass ieħor il-quddiem fil-qasam tal-kura primarja

Iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat ser jiġi mmodernizzat b’investiment ta’ nofs miljun Ewro bl-iskop li jiżdiedu s-servizzi, il-pazjent jinqeda aħjar u l-professjonisti jaħdmu f’ambjent aktar prattiku.

Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor. Joe Cassar waqt żjara fiċ-ċentru tas-saħħa u matulha ingħataw id-dettalji tal-proġett.  Il-Ministru Joe Cassar qal li l-kura primarja qed tkompli tiġi msaħħa permezz ta’ dan l-investiment li fil-prattika se jissarraf mhux biss f’ambjent isbaħ u modern imma wkoll f’post li fih il-professjonisti tas-saħħa se jkunu jistgħu jaqdu lill-pazjent b’aktar faċilità, filwaqt li l-bini minnu nnifsu se jkun jippermetti l-użu ta’ apparat mediku speċjalizzat.

Il-Ministru qal li ċ-ċentru joffri servizzi lil madwar 35,000 persuna li joqogħdu r-Rabat, Ħad-Dingli, Ħ’Attard, l-Imtaħleb, il-Baħrija, l-Imtarfa u fl-inħawi tal-Buskett.  Is-sena li għaddiet ingħataw aktar minn 1,200,000 servizz mill-bereġ u miċ-ċentri tas-saħħa f’Malta.  Minnhom, 55,000 ingħataw miċ-ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.

Minħabba n-natura tax-xogħlijiet, għal raġunijiet ta’ sigurtà, is-servizzi li jingħataw miċ-ċentru se jiġu trasferiti lejn post ieħor temporanjament meta jibda x-xogħol.  Ir-residenti tal-inħawi milquta se jiġu mgħarrfa dwar dan aktar il-quddiem.  Ladarba jitlesta x-xogħol, is-servizzi offruti se jiżdiedu permezz ta’ klinika oħra għat-tobba, u wkoll dik li tissejjaħ Wound Clinic.

Joe Cassar qal li dan l-investiment fil-kura primarja kien possibbli wkoll minħabba l-fatt li l-baġit allokat għas-settur tas-saħħa għal din is-sena  żdied b’29 miljun Ewro. 

Brian St John, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, liema Fondazzjoni qed tmexxi l-proġett, qal li l-proġett jinvolvi tibdil strutturali kif ukoll bidla tas-servizzi kollha fiċ-ċentru tas-saħħa, bħal dawk tal-ilma u d-dawl.   Ser isiru wkoll alterazzjoniijiet sabiex jiġu akkomodati s-servizzi l-ġodda, xogħol ta’ restawr, u xogħol ieħor li se jiffaċilita l-aċċess għaċ-ċentru li se jwassal biex iċ-ċentru jkollu aċċess dedikat għalih biss.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FMS spjega kif , fost affarijiet oħra se jiġu installati solar water heating system, sistema ta’ arja kundizzjonata maċ-ċentru kollu u wkoll sistemi ta’ fire detection u CCTV kif ukoll alarms sabiex jiggarnatixxu s-sigurtà tal-persuni li jkunu fil-bini.

Il-Ministru Joe Cassar temm billi rringrazzja lill-ħaddiema u professjonisti kollha li jaħdmu f’dan iċ-ċentru li fi ftit xhur oħra se jkollhom post tax-xogħol ferm aktar modern.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow