L-EWWEL LAQGĦA TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IL-POLITIKA NAZZJONALI GĦAT-TFAL
It-tħaddim tal-prinċipji li jinsġu l-abbozz tal-Politika Nazzjonali għat-Tfal jinħtieġ impenn qawwi mill-imsieħba kollha involuti fil-qasam tat-tfal. Din il-Politika għandha tinstiga lil dawn l-imsieħba sabiex jipparteċipaw mhux biss fit-tfassil tad-dokument finali iżda wkoll fit-tħaddim tal-prinċipji addottati. Is-suċċess ta’ din il-Politika jista’ jkun ikkalkulat biss mill-bidla pożittiva li jħossu t-tfal infushom ladarba l-prinċipji ta’ din il-Politika jibdew jitħaddmu.
Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said fl-intervent tiegħu waqt l-ewwel minn serje ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-Politika Nazzjonali għat-Tfal. F’din l-ewwel laqgħa, it-temi taħt il-lenti kienu l-Parteċipazzjoni Attiva u l-Inklużjoni. Sa tmiem Mejju se jsiru b’kollox ħames laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Nazzjonali għat-Tfal, fosthom waħda f’Għawdex, li se jkunu qed jittrattaw temi bħad-drittijiet, id-dmirijiet, il-ħarsien, il-kreattività u l-ħin liberu tat-tfal.
Il-Ministru Chris Said spjega li l-ħidma dwar il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal daħlet f’fażi mill-aktar interessanti hekk kif il-proċess ta’ konsultazzjoni dwarha issa jinsab fl-aqwa tiegħu. Fil-ġimgħat li għaddew saru numru ta’ laqgħat ma’ entitajiet differenti dwar l-abbozz ta’ din il-politika li tnieda f’Novembru li għadda permezz ta’ dokument imsejjaħ ‘Kburin bi Tfulitna’.
Il-Politika Nazzjonali għat-Tfal issegwi ħsieb integrat u ħolistiku, tippromwovi programmi u azzjonijiet iffokati lejn il-ġid tat-tfal. F’dan id-dokument hemm għaxar prinċipji li huma l-aħjar interessi tat-tfal, mainstreaming, kuntentizza, parteċipazzjoni, inklużjoni, aċċessibilità, protezzjoni, familji, kontabbilità u sostenibilità. Kull prinċipju fih rakkomandazzjonijiet ewlenin għat-twettiq ta’ din il-politika. B’hekk id-dokument jimmira li jipproduċi koordinazzjoni sħiħa fil-politika tat-tfal billi jġib fuq quddiem u jiġbor il-ħtiġijiet tat-tfal u jfittex li jiffaċilità l-ħidma bejn id-dipartimenti bl-iskop li jintlaħqu l-miri u l-prinċipji li fuqhom hu bbażat dan l-istess abbozz.
Il-Ministru Chris Said qal li s-suċċess ta’ din il-Politika jitlob li l-partijiet kollha nvoluti f’oqsma li jmissu mat-tfal u t-tfulija, jaħdmu flimkien u jevitaw il-frammentazzjoni. Biex din il-viżjoni tiġi mibdula f’realtà, irid ikun hemm impenn sħiħ li t-tfal ikunu kkunsidrati importanti u bnedmin ugwali li jistgħu jikkontribwixxu bi sħiħ b’risq is-soċjetà.
Dwar il-parteċipazzjoni attiva, il-Ministru Chris Said qal li t-tfal huma ċittadini tal-lum, bid-dritt li jipparteċipaw f’azzjonijiet u deċiżjonijiet li jikkonċernaw lilhom. It-tfal għandhom jiġu mħeġġa jiffamilijarizzaw rwieħhom mal-għodda taċ-ċittadinanza parteċipattiva, li fost l-oħrajn jinkludu d-djalogu, in-negozjar, u l-volontorjat. Dwar l-inklużjoni hu tkellem dwar it-tisħiħ tal-entitajiet li jissalvagwardjaw l-ugwaljanza b’tali mod li dawn jiffukaw ukoll fuq il-bażijiet kollha tad-diskriminazzjoni.
Fil-qasam tad-diżabbiltà, it-tfal huma ntitolati għad-drittijiet bażiċi kollha kif stipulata fil-Konvenzjoni tat-Tfal li għall-ewwel darba introduċiet drittijiet speċifiċi għal tfal b’diżabbiltà. Il-Ministru Said qal li l-Gvern se jkompli jinvesti fi strutturi socjali ta’ appoġġ sabiex jigi żgurat li dawn it-tfal ikollhom opportunitajiet indaqs. Hu fisser kif l-edukazzjoni bikrija meta minsuġa ma’ kultura u sport tista’ twassal sabiex isseħħ integrazzjoni b’saħħitha u dejjiema.
F’din l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni ta sehmu Dr. Andrew Azzopardi mill-Università ta’ Malta. Il-laqgħa tmexxiet mill-preżentatriċi Pauline Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017