SKOLASAJF - PROGRAMM KREATTIV GĦALL-ISTUDENTI
Madwar 3,500 tifel u tifla mill-iskejjel statali, tal-knisja u indipendenti, ta’ kull sena jipparteċipaw fi Skolasajf. Ser jieħdu sehem ukoll madwar 200 student Universitarju li qed isegwu korsijiet fil-Fakultà tal-Edukazzjoni u madwar 120 kap/assistent kap/għalliem bħala Koordinaturi fiċ-Ċentri ta’ Skolasajf.
L-Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onorevoli Dr Stephen Spiteri nieda l-edizzjoni tal-programm Skolasajf 2012 fil-Guardian Angel ResourceCentrefiħdan il-Kulleġġ San Ġorg Preca. Il-programm ittella’ mill-Kap, l-għalliema u t-tfal tal-istess Ċentru u ħadu sehem ukoll it-tfal mill-Kulleġġ Santa Tereża Skola Primarja ta’ Sta Venera u grupp ta’ anzjani mir-Residenza San Vinċenz de Paul. Il-Programm kien koordinat flimkien mas-Sezzjoni Proġetti u Inizjattivi fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent. Il-programm kien jinkludi brain gym,workshops interattivi dwar is-snajja’ tradizzjonali Maltin, żfin u daqq mill-Banda taċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel. Il-Programm Skolasajf joffri l-opportunità lit-tfal li jkollhom programm edukattiv u kreattiv tul ix-xhur tas-sajf biex filwaqt li jużaw il-ħin liberu tagħhom b’mod produttiv ikunu qed jilagħbu u jitgħallmu ma’ sħabhom. Skolasajf toffri wkoll l-opportunità lill-ġenituri tat-tfal, speċjalment dawk li jaħdmu, biex fil-ħinijiet tax-xogħol ikunu moħħhom mistrieħ dwar x’qed jagħmlu uliedhom.
Skolasajf 2012 ser tiftaħ il-bibien tagħha nhar l-Erbgħa 18 ta’ Lulju u ser tibqa’ sejra sal-Ġimgħa 7 ta’ Settembru 2012, kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9.00a.m. u 12.00p.m. Il-Programm hu miftuħ għat-tfal tar-raba’, il-ħames u s-sitt klassi tal-iskejjel primarji kollha (Stat, Knisja u Indipendenti). Iċ-ċentri ta’ Skolasajf huma mqassmin madwar Malta u Għawdex biex kulħadd ikun moqdi.
Dr Spiteri qal li t-tema magħżula għal din is-sena hija “Solidarjetà B’Impenn”, dan fl-okkażjoni tas-sena Ewropea ddedikata lill-Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet.
Tfal li jattendu ċ-Ċentri ta’ Riżorsi se jkollhom programmi apposta għalihom.
Hemm ukoll programm magħruf bħala Klabbsajf għal dawk it-tfal li tul is-sena skolastika jingħataw s-servizz ta’ għajnuna kumplimentari fil-litteriżmu. Dan il-programm hu maħsub apposta biex jgħin lil dawn it-tfal jimxu ’l quddiem fl-edukazzjoni.
L-applikazzjonijiet għal Skolasajf jistgħu jinkisbu mill-iskejjel primarji tal-istat. L-applikazzjonijiet għandhom jaslu fl-iskejjel fejn it-tfal ikunu se jattendu, sa mhux aktar tard minn nhar il-Ħamis 31 ta’ Mejju 2012. Hemm ħlas nominali ta’ €11.50 għal kull tifel jew tifla.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017