L-EWROPA FUQ IR-ROTI – ŻJARAT FI PROĠETTI KOFINANZJATI MILL-UE
Il-MEUSAC u d-Dipartiment tal-Informazzjoni qegħdin jorganizzaw żjarat fi proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Imsejħa ‘L-Ewropa fuq ir-Roti’, din l-inizjattiva qed tgħin sabiex titwassal aktar informazzjoni dwar l-investiment li qiegħed isir bil-fondi Ewropej fil-gżejjer Maltin.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Dott. Chris Said qal li l-Gvern Malti qiegħed jutilizza bl-aħjar mod il-fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) u permezz tagħhom qiegħed ikompli joħloq ix-xogħol u jkattar l-investiment fil-pajjiż. Għalkemm il-proġetti b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea huma ħafna, mhux kulħadd hu konxju tagħhom għaliex mhux neċessarjament jagħmel użu minnhom jew għaliex filwaqt li wħud minnhom huma viżibbli, oħrajn - bħal proġetti li jinvestu fit-taħriġ, mhumiex daqstant evidenti. Hu proprju għalhekk li qed tittieħed din l-inizjattiva: biex il-pubbliku Malti jkun jista’ jara fiex qed jintefqu l-miljuni ta’ ewro li Malta akkwistat mill-UE.
Il-Ministru Said spjega kif pajjiżna qiegħed jagħmel suċċess mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Is-sena li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea ċċertifikat l-għaqal u t-trasparenza li bihom Malta wżat il-fondi kollha - €80 miljun - li kellha għad-dispożizzjoni tagħha fl-ewwel tliet snin tas-sħubija. Bejn l-2007 u l-2013 Malta akkwistat biljun ewro ta’ fondi mill-UE u permezz tagħhom ukoll qed jitkattar l-investiment u qed jinħoloq aktar xogħol f’pajjiżna.
Il-Gvern Malti, kompla jispjega l-Ministru Said, qiegħed jagħti importanza kbira għat-tħaddim b’mod effiċjenti u trasparenti tal-finanzjament miksub mill-UE tant li fix-xhur li għaddew, għall-ewwel darba, ħoloq il-kariga ta’ Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li jkun responsabbli direttament mill-fondi Ewropej.
Hu tkellem ukoll dwar ir-rwol tal-MEUSAC u qal li dan qiegħed jagħmel xogħol tajjeb ħafna biex kunsilli lokali u ngos jiksbu finanzjament mill-UE. Jirriżulta li fit-tliet snin u nofs li għaddew, il-MEUSAC għen kunsilli lokali, ngos u entitajiet oħra biex inkisbu madwar €16.5 miljun għal 109 proġetti jew inizjattivi differenti.
Il-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb qal li għalkemm is-suċċess tas-sħubija ta’ Malta ma jitkejjilx biss minn kemm inkisbu fondi mill-UE, għall-pubbliku inġenerali dan hu mod konkret kif jista’ jitfisser kemm il-pajjiż mexa ’l quddiem f’dawn l-ewwel tmien snin ta’ sħubija fl-UE. F’kuntest ekonomiku ta’ kriżi li fih tinsab l-Ewropa llum, kompla jfisser kemm hu importanti li l-Maltin u l-Għawdxin jagħrfu kif l-UE qed isservi biex il-pajjiż iwieġeb għall-isfidi tal-preżent u tal-ġejjieni, kemm permezz tal-politika u l-liġijiet tagħha kif ukoll bil-finanzjament li qiegħda tagħti li qegħdin jiġu investiti kemm fil-persuni kif ukoll fl-infrastruttura u fl-ekonomija lokali. Il-Kap tal-MEUSAC spjega kif il-MEUSAC twaqqaf biex minbarra li jwassal tagħrif dwar l-UE, imexxi proċess ta’ konsultazzjoni mal-partiti politiċi, il-korpi kostitwiti u s-soċjetà ċivili dwar il-politika u l-liġijiet tal-UE u jgħin lill-kunsilli lokali u organizzazzjonijiet mhux governattivi (ngos) biex jiksbu fondi mill-UE.
Iż-żjarat bil-coaches bħala parti mill-inizjattiva l-‘Ewropa fuq ir-Roti’, huma miftuħin għal gruppi organizzati – minn kunsilli lokali, ngos, skejjel, u gruppi oħra. Fil-ġimgħat li għaddew kienu mijiet dawk li għamlu użu minn din l-inizjattiva. Il-proġett sejjer tajjeb ħafna tant li hemm interess sostanzjali għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Kull min jixtieq aktar informazzjoni dwar l-‘Ewropa fuq ir-Roti’ jista’ jċempel fuq 2200 3351 jew jibgħat email fuq ewropafuqroti.meusac@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017