INVESTIMENT TA’ AKTAR MINN €27 MILJUN FIT-TITJIB TAŻ-ŻONI INDUSTRIJALI – AMBJENT ISBAĦ GĦAS-SIDIEN TAN-NEGOZJU U LI JIXPRUNA L-ĦOLQIEN TAX-XOGĦOL
Il-Gvern permezz tal-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks qiegħed jinvesti aktar minn €27 miljun biex jitjieb l-ambjent fiż-żoni industrijali għall-benefiċċju tal-kumpaniji li jaħdmu minnhom, li b’hekk ikunu qed jieħdu servizz aħjar filwaqt li joperaw minn ambjent li jkun ukoll isbaħ u li jilqa’ iktar kemm lill-impjegati tal-kumpaniji kif ukoll lill-klijenti tagħhom. Dan huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern biex jixpruna t-tkattir tal-attività ekonomika li twassal għal ħolqien ta’ aktar xogħol.
Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt li kien qed iżur ix-xogħlijiet ta’ titjib u tisbiħ li qed isiru fiż-żona industrijali ta’ Kordin, flimkien mal-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Alan Camilleri.
Il-Ministru Fenech spjega li x-xogħlijiet f’Kordin fost oħrajn jinkludu titjib fis-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ, tisbiħ tal-bankini u l-kisi mill-ġdid tat-toroq, il-bini ta’ reservoir għall-ħażna tal-ilma u sistema ġdida għat-tifi tan-nar. “Dan il-proġett huwa biss wieħed minn diversi proġetti li qed isiru biex jitjiebu ż-żoni industrijali ta’ Kordin, Ħal Far, Bulebel, il-Mosta Technopark u x-Xewkija f’Għawdex. B’investiment globali li jlaħħaq mas-€17-il miljun ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), dawn il-proġetti se jissarrfu f’qabża fil-kwalità taż-żoni industrijali minn fejn joperaw għadd kbir ta’ fabbriki li jħaddmu eluf ta’ ħaddiema,” qal il-Ministru Fenech.
“It-titjib fl-infrastruttura u t-tisbiħ taż-żoni industrijali huwa element ieħor kruċjali biex Malta ssaħħaħ il-kompetittività tagħha u tkompli tattira kumpaniji barranin lejn pajjiżna filwaqt li tħeġġeġ anki lill-kumpaniji lokali biex huma ukoll jinvestu u joħolqu l-opportunitajiet tax-xogħol,” kompla jgħid il-Ministru, filwaqt li fakkar ukoll fil-firxa wiesgħa ta’ għajnuna, skemi u inċentivi li l-Malta Enterprise toffri biex tgħin lis-settur privat jinvesti f’Malta.
Bħala parti mill-istess proġett ko-finanzjat mill-ERDF se jinbnew ukoll tliet ċentri għall-kura tat-tfal, wieħed minnhom f’Kordin stess. Waqt żjara lis-sit fejn għandu jinbena ċ-ċentru għall-kura tat-tfal ta’ Kordin il-Ministru Fenech qal li dan jirrappreżenta l-ħidma kontinwa tal-Gvern biex joffri l-inċentivi meħtieġa b’mod li aktar familji jsibu bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol.
Il-Ministri żaru wkoll il-Hutment Area ta’ Kordin li għandha tiġi żviluppata mill-ġdid b’investiment li jlaħħaq l-€10 miljuni. Permezz ta’ dan il-proġett, li għalih bħalissa qiegħed jitlesta t-tender sabiex ikun jista’ jiġi ppublikat, se jinħolqu mat-18,000 metru kwadru ta’ spazju maqsuma f’units differenti li joffru faċilitajiet ferm aħjar minn dawk tal-huts eżistenti għal madwar 70 negozju żgħir.
Il-Ministru Azzopardi tkellem dwar l-importanza li l-Gvern qed jagħti lis-settur tan-negozji żgħar permezz tal-inċentivi li qed joffrilhom, sabiex dawn ikompli jkabbru l-operat tagħhom u jżiedu aktar impjiegi. Fosthom semma l-Microinvest li ħolqot 247 impjieg ġdid, fejn madwar 1040 negozju ħadu lura fil-but 6 miljun Ewro f’tax credit, l-Microcredit li involviet 250 negozju li 77 % minnhom huma micro u li bejniethom investu 23 miljun Ewro b’imgħax baxx u se jinvestu 38 miljun fl-ekonomija tagħna kif ukoll il-Business First li fi ftit xhur li ilu miftuħ diġà żaruh mat-3000 negozju.
Il-Ministru Azzopardi spjega wkoll dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li l-Gvern għadu kif ħabbar fil-ġimgħat li għaddew dwar proposti ġodda għall-liċenzji tal-kunmerċ, liema konsultazzjoni tagħlaq fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Huwa qal li dan il-process se jnaqqas il-burokrazija żejda, jtejjeb l-effiċjenza u jkompli jnaqqas l-ispejjeż għan-negozji. Dan se jsir bl-introduzzjoni ta’ miżuri radikali fosthom; sabiex wieħed jiftaħ negozju ġdid, se jkollu bżonn biss jibgħat notifika lid-Dipartiment tal-Kummerċ. Huwa sostna li dan huwa Gvern li jimpurtah minn dan is-settur u permezz tal-inċentivi u l-iskemi li qed joħloq qed iħalli aktar flus fil-but lin-negozji Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017