Left arrow Go Back

MESSAĠĠ MILL-ONOR. GEORGE PULLICINO, MINISTRU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI, B’RABTA MAR-RABA’ SENA TA’ ĦIDMA

pr1035
Date Icon 07/05/2012

Flimkien noħolqu x-xogħol. Għalik.

F’dawn l-4 snin sebbaħna pajjiżna biex int u l-familja tiegħek tgħix aħjar f’ambjent b’saħħtu għal saħħitna. Sebbaħna spazji urbani bħal ġnien Santa Marija tal-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq, Pjazza Mons Isidor Formosa f’Gwardamangia, Pjazza Sant’Ubaldeska f’Raħal Ġdid, ix-Xatt u l-Pjazza ta’ Marsaxlokk, Triq Bisazza f’Tas-Sliema U postijiet oħra li qed joffru nifs u arja fil-qalba tal-komunità.

Żidna l-ispazji miftuħa għat-tfal u l-familji.  Pjazza Sant’Annna f’Tas-Sliema, Pjazza San Gorg fil-Belt, l-Adventure Park f’Ta’ Qali u Ġnien George Bonello Dupuis f’Qui Si Sana, huma eżempju ċar tal-għażliet tagħna – għażla favur in-nies. Minn spazji għal karozzi, ħloqna spazji miftuħa fejn it-tfal jikbru u jilagħbu.  

Ħdima biex f’pajjiżna nagħtu lill-familji aktar parks. Ftaħna Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk u komplejna nsebbħu u nkabbru l-Park Nazzjonali tas-Salini filwaqt li għaddej xogħol biex inkomplu nkabbru l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali. Bil-ħolqien ta’ dawn il-parks inħoloq aktar spazju biex komplejna nħawlu aktar siġar fejn f’7 snin mill-kampanja 34U ħawwilna ’l fuq minn 110,000 siġra.

Il-proġetti ta’ kwalità li wettaqna ħolqu l-impjiegi, u qed ikabbru l-attività ekonomika fiż-żoni turistiċi fejn sebbaħna, bħalma huma Xatt is-Sajjieda f’San Ġiljan u f’Marsaxlokk, il-promenade tax-Xagħra u l-pavimentar fil-qalba ta’ Paceville. 

Qed nagħtu wkoll futur lil passat tagħna.  Dan biex igawduh uliedna. F’dawn l-4 snin rajna l-bliet tal-Birgu, l-Imdina, l-Belt Valletta u ċ-Ċitadella Għawdex jitrasformaw ruħhom permezz tal-akbar proġett ta’ restawr tas-swar li qatt sar f’pajjiżna. Dan b’investiment ta’ €36 miljun b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Fil-Belt Valletta biss għamilna mal-20 proġett ta’ restawr fosthom Victoria Gate, knejjes, bereġ, il-Palazz tal-Gran Mastru u l-Berġa ta’ Kastija.  Għamilna pavimentar ġdid u toroq fejn ma jgħaddux aktar karozzi fl-istess Belt.

Qegħdin ukoll nimmaniġjaw l-iskart aħjar. Bl-iskart li qed nisseparaw mid-djar qed nesportaw l-iskart. Fl-2011 esportajna 15- il miljun kilo ta’ skart li jista jkun riċiklat (plastik, karta eċċ) li huwa ekwivalenti għal 602 container. F’dawn l-aħħar snin; ftaħna 5 ċentri li jilqgħu fihom skart goff, għamilna ’l fuq minn 1,000 kontenitur ta’ bring-in sites, għalaqna l-inċineraturi li kienu jniġġsu u ftaħna wieħed ta’ l-ogħla standard, u bl-imodernizzar tal-kumpless ambjentali ta’ Sant’Antnin l-iskart sar riżorsa.  Mid-drenaġġ u l-iskart illum qed nipproduċu l-elettriku.  Mill-iskart qed nagħmlu wkoll il-kompost. 

Is-separazzjoni tal-iskart mid-djar qed tiżdied minn sena għall-oħra, tant li matul is-sena 2011 inġabru 5% ta’ skart isseparat mid-djar aktar minn dak miġbur fis-sena 2010. dan juri li l-familji kull ma jmur aktar qed jifhmu l-importanza li jisseparaw l-iskart.

Mill-Magħtab u mill-Qortin qed inneħħu l-gassijiet, u qed naħdmu biex il-miżbliet il-magħluqa tal-Magħtab il-Qortin Għawdex u Wied il-Għajn isiru parks. Mill-Magħtab trattajna ’l fuq minn 170 miljun metru kubu ta’ gass ħażin liema gass ġie trattat. Dan wassal biex il-livell ta’ dijossina fl-arja tal-madwar niżel u naqas b’99%.

Bl-inizjattivi ambjentali li għamilna qed inkomplu noħolqu impjiegi ġodda. F’pajjiżna fl-aħħar 4 snin, ħloqna impjiegi ġoddda fl-iskart, fl-industrija tal-manifattura ta’ ħġieġ double glazed, żdiedu l-professjonisti li jispeċjalizaw f’mezzi ta’ energija alternattiva, żdiedu l-kumpaniji li jbiegħu prodotti marbuta mal-enerġija alternattiva bħalma huma solar water heaters u Panelli fotovoltajiċi, b’hekk żdiedu n-negozji, żdied il-kummerċ u żdiedu l-impjiegi. 

B’aktar enerġija altnernattiva qed inaqqsu wkoll l-emmissjonijiet mill-arja.

  • Ħriġna tender biex 67,000 metru ta’ soqfa ta’ bini pubbliku jintuża biex jinksew b’sistemi ta’ panelli fotovoltaiċi.
  • Mat-12,000 familja bbenefikaw biex installaw PV u SWH
  • Qassamna aktar minn miljun bozza energy saving lil 130,000 familja
  • Fir-rigward ta’ enerġija mir-riħ, ġew sottomessi tlett applikazzjonjiet lill-MEPA għall-iżvilupp ta’ windfarms fl-art u fil-baħar fl-inħawi ta’ Ħal Far, Wied Rini u s-Sikka l-Bajda.  Ir-riżultati tar-riħ, kemm għas-Sikka l-Bajda kif ukoll f’Wied Rini, juru biċ-ċar li r-riħ li hemm f’dawn l-inħawi huwa tajjeb biex ikun jista’ jiġi implimentat il-proġett tal-Wind Farm. 
  • daħħalna sistema ta’ feed-in tariffs fejn għal kull unit ta’ enerġija ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi il-familji jingħataw 25 ċenteżmu ta’ ewro. Bħala parti mil-pjan tal-Gvern li Għawdex ikompli jkun gżira ekoloġika, l-familji Għawdxin bdew jingħataw 28 ċenteżmu għal kull unit iġġenerat. 
  • F’pajjiżna hawn 85,000 mtr kwadru ta’ pannelli fotovoltajiċi (daqs 15-il ground tal-football).
  • Ġibna fondi mill-life +, biex infasslu l-infrastruttura meħtieġa biex nintroduċu aktar karozzi elettriċi.

Din is-sena wkoll ftaħna skema oħra għal min irid jinvesti fl-insulazzjoni ta’ soqfa u l-aperturi tad-djar.  Se tingħata għotja ta’ 15.25%, sa’ massimu ta’ €1,000.  Din l-iskema torbot ma dik li saret fl-2010 fejn aktar minn 200 familja ngħataw bejniethom €65,000 bex jagħmlu double glazing u roof insulation.

Qed naħdmu biex l-ilma jibqa’ jkun riżorsa sostenibbli. F’dan ir-regward 4 snin ilu nedejna l-proċess ta’ reġistrar ta’ boreholes li żvela li f’pajjiżna nsibu mat-8,000 sors tal-ilma. Beda l-proċess biex jitwaħħlu l-meters mal-boreholes. Dan għandu jwassal biex isir perijodu ta’ moniteraġġ biex naraw kemm verament u minn fejn l-aktar li jkun qed jiġi estratt  l-ilma tal-pjan. Daħħalna fis-seħħ moratorja fuq it-tħaffir ta’ aktar boreholes u, ġie mniedi proċess ta’ liċenzjar għall-operaturi privati fis-settur tal-ilma (operaturi tal-bowsers). Twettaq ukoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq il-politika nazzjonali dwar l-ilma. Fuq din il-politika għaddej proċess ta’ Studju Strateġiku Ambjentali (SEA) filwaqt li d-dokument jinsab fl-aħħar stadju tiegħu biex ikun iffinalizzat.

Fis-settur tal-biedja u s-sajd  investejna ’l fuq minn €100 miljun f’ 4 snin. ‘Il fuq minn 8,000 bidwi, raħħal u sajjied irċivew għajnuna finanzjarja.

Sar titjieb fl-irziezet u l-għelieqi u l-bastimenti tas-sajd, saru korsijiet ta’ taħriġ għall-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda, u qed issir kampanja favur il-konsum tal-prodott frisk lokali.  Ftaħna l-ewwel suq tal-bdiewa biex jingħata prezz ġust lill-bidwi u jiffranka l-konsumatur. Bdejna r-riforma tal-Pitkalija,  qed inqasmu ’l fuq minn 31,000 kontenitur ta’ frott u ħaxix b’xejn fl-iskejjel biex uliedna jikkunsmaw aktar frott u ħaxix, qed noffru wkoll il-ħalib fl-iskejjel.

Ħdimna biex intejbu u niggarantixxu l-kwalità tal-ikel b’investiment qawwi wkoll fil-Biċċerija.  Dan kollu għandu impatt pożittiv fuq is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.

Malta, bis-saħħa taċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Akwakultura, tinsab mal-pajjiżi l-iktar avvanzati fir-riċerka tat-tfaqqis tal-bajd tat-tonn u tal-aċċjol. Wettaqna wkoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq strateġija tal-akwakultura biex inkomplu nimxu ’l quddiem. Inħareġ il-permess mill-MEPA għall-bini ta’ Pixkerija ġdida fil-Marsa. Din il-Pixkerija se ssir b’investiment ta’ €3 miljun.

Il-ħarsien tal-annimali huwa importanti għalina. Ftaħna Ċentru San Franġisk li joffri kura lill-annimali 24 siegħa kuljum, Bdejna servizz ta’ ambulanza 24 siegħa kuljum, qed nagħmlu s-shelters għaż-żwiemel tal-karozzini u qed nibnu l-ewwel dog park f’pajjiżna.

L-avvanz fis-settur tal-annimali wkoll qed joħloq impjiegi ġodda u għalhekk offrejna numru ta’ skolarships biex aktar studenti jagħżlu li jilħqu veterinarji.

Ħdimna flimkien.  Investejna u qed nagħmlu aktar proġetti u inizjattivi ġodda li joħolqu l-impjiegi.  Qed inneħħu l-gassijiet mill-miżbliet, għamilna aktar spazji miftuħa b’arja nadifa u ħielsa mill-perikli.  Tajna skemi biex aktar nies jinvestu fl-enerġija alternattiva u b’hekk titjieb il-kwalità tal-arja.  Anki fl-ambjent qed nagħmlu għażliet favur is-saħħa tan-nies

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow