123 RESIDENZA U 98 GARAXX JINĦARĠU GĦALL-BEJGĦ BI PREZZ ISSUSSIDJAT
L-Awtorità tad-Djar ħarġet għall-bejgħ 115-il appartament, 8 maisonettes u 98 garaxx taħt l-iskema ‘Darek Faċli – Nixtri Dari bil-Pass Tiegħi’. Dawn il-postijiet residenzjali u garaxxijiet jinsabu fi 15-il lokalità differenti u se jinbiegħu bi prezz issussidjat ta’ 25 fil-mija fuq il-prezz kummerċjali. Il-postijiet jinsabu f’Buġibba, f’Ħal Kirkop, fil-Mellieħa, fl-Imġarr, fl-Imrieħel, fl-Imtarfa, fin-Naxxar, f’Raħal Ġdid, f’Pembroke, fil-Qawra, fil-Qrendi, f’San Ġwann, f’Ħal Tarxien, fiż-Żejtun u fiż-Żurrieq.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said u mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Albert Buttiġieg.
Il-Ministru Chris Said qal li din l-iskema hi mnebbħa mill-għanijiet ewlenin tal-Awtorità tad-Djar fosthom li tgħolli l-livell tal-akkommodazzjoni fil-gżejjer Maltin u li tagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawk li jersqu lejn is-servizzi tagħha.
Il-ħlas tal-prezz ta’ dawn l-appartamenti jista’ jsir b’żewġ metodi. Fl-ewwel każ 10% tal-prezz issussidjat jitħallas fuq l-att tal-konvenju filwaqt li l-bilanċ jitħallas mal-kuntratt finali sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-konvenju. Fit-tieni każ 15% tal-prezz issussidjat jitħallas fuq konvenju reġistrat u l-bilanċ jitħallas f’pagamenti kull xahar mingħajr imgħax.
Il-Ministru Chris Said qal li minbarra s-sussidju fuq il-prezz kummerċjali, hu kkalkulat li l-familji li se jixtru dawn il-postijiet se jkunu qed jiffrankaw madwar €20,000 peress li se jkunu jistgħu jħallsu l-bilanċ tal-prezz mingħajr imgħax, lill-Awtorità tad-Djar, fuq medda li testendi sa 20 sena.
Diversi kategoriji ta’ persuni jew familji jikkwalifikaw biex jixtru dawn il-postijiet fosthom koppji miżżewġin, għarajjes, ġenituri waħidhom, familji li għandhom persuni b’diżabilità bħala membri tagħhom, persuni li kienu residenti fi djar tat-tfal jew kienu fostered u oħrajn. L-Awtorità l-ewwel talloka sa 10% tal-postijiet lill-applikanti li jew huma nfushom jew membru tal-familja tagħhom (li jgħix magħhom) ikollhom diżabilità jew ibatu minn mard kroniku mentali. F’każ li n-numru ta’ applikanti jkun ikbar min-numru ta’ proprjetajiet maħruġa għall-bejgħ f’dan l-Avviż, il-postijiet jiġu allokati skont il-punti li jġibu l-applikanti.
L-applikanti jridu jissodisfaw numru ta’ kriterji fosthom li jkunu għalqu 18-il sena; jkunu ċittadini Maltin jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Ċittadini mill-Unjoni Ewropea jridu jkunu qed jakkwistaw l-ewwel reżidenza f’Malta; ikollhom ir-reżidenza permanenti f’Malta għal mill-anqas erba’ (4) snin matul il-ħames (5) snin ta’ qabel; ma jkunu qatt ibbenefikaw minn xi fond maħruġ mill-Awtorità tad-Djar jew tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jew tad-Dipartiment tal-Artijiet; ikollhom dħul li ma jaqbiżx l-€40,000 jew €25,000 skont il-kategorija; u ma jkollhomx assi kapitali li jeċċedu €40,000 jew €25,000 skont il-kategorija.
Il-fond akkwistat mill-benefiċjarju għandu jintuża biss għal skopijiet ta’ reżidenza ordinarja filwaqt li l-garaxxijiet jistgħu jintużaw biss għaż-żamma ta’ vettura jew oġġetti personali.
Il-benefiċjarji li jakkwistaw il-fond jobbligaw rwieħhom illi fi żmien sentejn fil-każ ta’ postijiet ġebel u saqaf jew fi żmien sitt xhur fil-każ ta’ postijiet finished (u fil-każ ta’ għarajjes fi żmien sentejn), jibdew jgħixu fil-fond bħala reżidenza ordinarja u jibqgħu jgħixu fih għal mill-anqas ħames snin. Fil-każ ta’ appartamenti, il-benefiċjarji huma obbligati li jinstallaw solar water heater.
Il-postijiet li jinsabu għall-bejgħ se jkunu miftuħin għall-wiri nhar is-Sibt 12 ta’ Mejju u l-Ħadd 20 ta’ Mejju 2012 bejn id-9:00am u s-6:00pm. Fl-istess dati u ħinijiet, l-uffiċini tal-Awtorità fil-Furjana ser ikunu miftuħa wkoll minn fejn ser isir il-bejgħ tal-applikazzjonijiet għal dawn il-fondi.
Il-bejgħ tal-applikazzjonijiet jibqa’ jsir ukoll tul il-ġranet l-oħra tal-ġimgħa bejn it-8:00am u l-11.30am mill-Awtorità tad-Djar 22, Triq Pietro Floriani, Floriana jew 25, Triq Enrico Mizzi, Rabat Għawdex sal-Ġimgħa 25 ta’ Mejju 2012.
L-Awtorità tad-Djar tilqa’ applikazzjonjiet bejn it-Tnejn 14 ta’ Mejju u t-Tnejn 21 ta’ Mejju. Mit-Tlieta 22 sal-Ġimgħa 25 ta’ Mejju 2012 jintlaqgħu applikazzjonijiet li ma jkunux ġew milqugħa fil-ġranet stipulati minħabba xi raġuni jew oħra.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Awtorità tad-Djar: www.housingauthority.com.mt, jista’ jċempel lill-Customer Care tal-Awtorità fuq 2299 1000 jew jibgħat email fuq customer.care@ha.gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017