Left arrow Mur Lura

IL-KULLEĠĠ TAL-ARTI SE JSIR F’ĦAL QORMI

pr1030
Date Icon 07/05/2012

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina ħabbret li ġiet identifikata art f’Ħal Qormi biex fuqha jinbena l-Kulleġġ tal-Arti li se jiġbor fih l-iskejjel tal-Arti, il-Mużika u d-Drama.  Bħalissa qed jitħejjew il-pjanti ta’ dan il-Kulleġġ biex ikunu preżentati mal-permessi meħtieġa. Il-Ministru ħabbret dan f’attività li saret fl-iskola primarja ta’ Ħal-Lija flimkien mal-Ministru Mario deMarco li matulha tqassmu mudelli tal-karti ta’ ajruplan ta’ l-Air Malta, b’disinn li qed jintuża għall-kandidatura biex Malta tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018, biex filwaqt li t-tfal jgħaqqdu dan l-ajruplan, jibda jinżera fihom għarfien dwar dan l-avveniment hekk importanti.

Il-Ministru Mario de Marco qal li l-istudenti qed ikunu mħeġġa jipparteċipaw fil-preprazzjonijiet tal-proġett tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Hu spjega li fix-xhur u s-snin li ġejjin se naraw diversi inizjattivi jibdew jingħaqdu biex iwassaluna għall-proġett fl-2018. Mario de Marco qal li l-proġett li ppreżentaw t-tfal għandu sehem f’dawn l-inizjattivi u se jgħin biex l-istudenti jsiru jafu u jkunu aktar konxji ta’ dan il-proġett filwaqt li jkunu qed jgħinu fil-promozzjoni tal-proġett.

Il-Ministru de Marco qal li hu meħtieġ li fil-kultura jipparteċipa kulħadd għaliex b’hekk tiġi ppreservata u msaħħa l-identità tagħna bħala poplu. Il-Ministru de Marco spjega li l-Gvern qed iniedi diversi inizjattivi u inċentivi fiskali li jħeġġu l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kulturali u kreattivi. Dawn jinkludu l-programm Kreattiv u l-Culture Card li huma immirati lejn l-istudenti filwaqt li hemm fondi oħra bħal INVEX li qed jassistu wkoll organizzazzjonijiet tal-arti u l-kultura.

Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura hija opportunità unika għal pajjiż li għal sena sħiħa jpoġġi l-kultura fiċ-ċentru tas-soċjetà permezz ta’ programm kulturali vast.  Din il-festa kulturali hija mezz importanti biex pajjiż iressaq liċ-ċittadini tiegħu aktar viċin lejn il-kultura. Biex dan iseħħ madanakollu hemm bżonn li din iċ-ċelebrazzjoni ma tintemmx mal-għeluq tas-sena 2018 meta l-Belt Valletta se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Huwa propju għalhekk li minn meta bdew it-tħejjijiet għal dan il-proġett, tpoġġa fuq quddiem nett l-involviment tal-komunità, kif ukoll ir-rwol tal-industrija u tal-edukazzjoni. Dan għaliex biex dan l-avveniment ikun tassew sostennibli hu essenzjali li kull ċittadin iħossu involut.

Illum ir-riċerka qed tindika li l-qasam kreattiv mhux biss settur li joħloq investiment għall-pajjiż, iżda jkattar ix-xogħol, u joffri mod ta’ tagħlim li jgħin fl-iżvilupp personali tal-individwu. Hu propju għalhekk li pajjiżna qed ikompli jinvesti biex f’kull livell tal-edukazzjoni jingħataw opportunitajiet fejn tfal, żgħażagħ, adulti kif ukoll anzjani jkunu jistgħu japprezzaw il-kultura, jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jkattru l-kreattività u l-innovazzjoni. Biex dan iseħħ b’mod effettiv irid ikompli jiġi provdut l-appoġġ lill-għalliema li jaħdmu biex l-istudenti jingħataw l-aħjar esperjenza ta’ tagħlim.

Kull tifel u tifla, żgħażugħ u żagħżugħa, adult u adulta għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw f’din l-okkażjoni ta’ tixrid ta’ talenti, inklużjoni u diversità. Huwa għalhekk essenzjali li l-istakeholders kollha fis-settur kulturali u kreattiv jkomplu jħejju l-popli Malti u Għawdxi għall-proġett tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura li hu avveniment uniku għal pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow