Left arrow Go Back

DISKORS TAL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, FL-OKKAŻJONI TAL-GĦELUQ IL-MITT SENA MIT-TWELID TA’ ANTON BUTTIGIEG - IL-ĠIMGĦA, 4 TA’ MEJJU - IL-BELT VALLETTA

pr1029
Date Icon 07/05/2012

Sinjuri,

Inġbarna llejla f’dan il-post meqjum mill-iskulari kollha sabiex infakkru lil wieħed minn niesna li għamel isem fl-oqsma tal-politika, tal-liġi, u tal-letteratura. Anton Buttigieg kien Ministru tal-Ġustizzja u t-tieni President ta’ Malta, u din is-sena taħbat il-mitt sena minn twelidu u llum jaħbat lejlet id-39 sena minn mewtu. Imma llejla nġbarna hawn biex bi ftit ħsibijiet nagħtuh ġieħ billi niftakru f’dak li ħallielna bil-pinna poetika tiegħu.

Żmienu

Anton Buttigieg twieled il-Qala (Għawdex) fid-19 ta’ Frar 1912. Twieled f’pajjiż li kien kolonja tal-Imperu Ingliż u bażi militari, fi żmien meta l-Maltin kienu qed jippruvaw isaħħu l-qagħda tagħhom fil-gvern, jinsistu għal riformi soċjali, u jitolbu li jkollhom kostituzzjoni li tagħtihom awtonomija politika u amministrattiva. Ir-reliġjon Kattolika kienet suprema u fil-qasam lingwistiku l-pajjiż kien għad m’għandux ortografija tiegħu u kien mhedi jissara mal-kwistjoni tal-lingwa.

Meta miet fil-5 ta’ Mejju 1983 Malta kienet saret indipendenti u repubblika u hu kien għadu kif temm il-ħatra tiegħu bħala t-tieni President ta’ Malta. Malta kienet saret pajjiż industrijali u turistiku, u r-reliġjon kienet qed tiġi sfidata taħt l-impatt tar-razzjonaliżmu u l-materjaliżmu. Il-lingwa kienet stabbilita sew bil-kostituzzjoni u fil-prattika.

Matul dawk il-71 sena d-dinja rat (fost bosta affarijiet oħra) żewġ gwerer dinjija, twessigħ ta’ gwerra bierda, u żvilupp materjali u intellettwali li qatt ma kien hawn bħalu qabel. Sadattant Malta ngħatat is-self-government u l-George Cross għal qlubitha, kisbet l-Indipendenza u saret Repubblika, u temmet il-bażi militari. Fl-istess perjodu twieldet u żviluppat l-Akkademja tal-Malti, Dun Karm stabbilixxa ruħu bħala l-Poeta Nazzjonali, issawwar l-Innu Malti, u l-kittieba tas-sittinijiet taw direzzjoni ġdida lil-letteratura.

Dawn iċ-ċirkustanzi kollha taw lil Anton Buttigieg ħajja pubblika għammiela li tintiseġ prinċipalment fi tliet oqsma:

  • fil-qasam tal-liġi – laħaq avukat fil-bidu tal-erbgħinijiet, serva bħala spettur tal-pulizija fit-Tieni Gwerra Dinjija, kien riporter fuq il-liġi mat-Times of Malta, u kien innominat aġent maġistrat f’nofs il-ħamsinijiet;
  • fil-qasam tal-politika – kien deputy leader tal-MLP, Ministru tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Parlamentari, viċi Prim Ministru, u t-tieni President ta’ Malta (1976-1981); u
  • fil-qasam tal-letteratura – kien poeta li ppubblika diversi ġabriet ta’ poeżiji u awtur ta’ awtobijografija fi tliet volumi.

Illejla se naraw xi ħaġa minn Buttigieg il-poeta; se naraw kif interpreta l-ħajja u għaddielna l-interpretazzjoni tiegħu fil-forma meqjuma tal-poeżija bl-entużjażmu Romantiku tiegħu li jfakkarna fi kliem Shelley (fid-Defence of Poetry, 1821) li qal: “Poets are the unacknowledged legislators of the world” – idea kompatibbli ħafna ma’ Buttigieg l-avukat.

Il-poeta

Fil-ġrajja letterarja ta’ pajjiżna Buttigieg jibqa’ msemmi għat-tħabbib tiegħu mal-Muża. Kiteb fuq diversi suġġetti imma l-aktar li jissemma huwa bħala l-Poeta tan-Natura[1] fi ħdan ir-Romantiċiżmu Malti li kien attitudni jew orjentament intellettwali li enfasizza l-individwu, is-soġġettiv, l-immaġinattiv, il-personali, l-ispontanju, l-emozzjonali, u l-viżjonarju.

  • Il-Prof. Ġużè Aquilina jsejjaħlu “poeta romantiku klassiku” għax jibni l-poeżija tiegħu fuq is-“solennità tal-versi klassiċi” bl-“ilwien tal-fantasija romantika”,[2]
  • il-Prof. Oliver Friggieri jsejjaħlu “għannej tan-natura” għax fih “in-natura hija l-fidi” u “hija l-interpretu tal-kriżi u tal-hena tal-eżistenza”,[3] u
  • il-Prof. Charles Briffa jsejjaħlu l-poeta Romantiku li joħloq il-poeżija minn esperjenzi familjari tal-bniedem b’lingwa ordinarja.[4]

Minn dawn it-tliet kummenti nistgħu nisiltu l-karatteristiċi ewlenin ta’ Buttigieg il-poeta, u b’mod ġenerali ngħidu li l-poeżija tiegħu

  • tifforma parti mir-Romantiċiżmu Malti: hija mimlija immaġinazzjoni u tibqa’ ġeneralment serja,
  • tittratta n-natura bħala parti mill-eżistenza, u
  • tippreżenta t-tiġrib uman b’lingwa komuni li tgħinu biex ikun personali u spontanju.

L-immaġinazzjoni

Il-poeżija toħroġ mill-immaġinazzjoni imma fl-istess ħin nifhmu li t-trattament tradizzjonali tan-natura jżomm lill-poeta marbut mar-realtà. Il-ġmiel tal-ħolqien narawh joħroġ fl-osservazzjonijiet naturali li jingħaqdu mal-immaġinazzjoni, mas-sentimenti, u mal-esperjenzi tal-poeta. Bosta drabi fin-natura l-poeta jsib dinja ta’ ferħ u jagħmilha maqdes ta’ ħolm li jiġbor fih ħsibijietu. Moħħu jitmieraħ u jimraħ fil-beraħ rustiku, u l-qarrej jilmaħ lill-poeta jitmattar fil-ħolqien biex jistrieħ u jinseġ dehriet kampanjoli. B’eżempju nsemmi l-poeżija L-Imtaħleb fejn Buttigieg jitgħaxxaq bil-ġmiel naturali tar-raba’ li rah f’xirka max-xemx – dehra li ġagħlitu jsejħilha “oħt bħal San Franġisk”.

U qgħadt inħares ċass lejn ix-xemx nieżla,

u mingħajr kliem jien qgħadt nitkellem magħha,

qalbi ferħana daqs il-mewġ ta’ taħtha,

mixgħula daqs il-wied bir-raġġi tagħha.

L-immaġinazzjoni, elevata għall-fakultà suprema tal-moħħ, fiha qawwa kreattiva u hija dinamika fil-funzjoni tagħha. Hija l-fakultà li toħloq il-poeżija imma fl-istess ħin tgħin lill-poeta biex isawwar ir-realtà tiegħu. Bl-immaġinazzjoni l-poeta jipperċepixxi d-dinja ta’ madwaru u joħloqha fil-kuntest letterarju tiegħu. Biha l-poeta jgħaqqad ir-raġuni u s-sentiment b’dak li Coleridge sejjaħ intellectual intuition. U b’din ix-xorta ta’ immaġinazzjoni l-poeta jirrikonċilja d-differenzi u l-kuntrarji – din ir-rikonċiljazzjoni hija ċentrali għar-Romantiċi.

In-natura

Għal Anton Buttigieg in-natura – fattur predominanti fil-poeżija tiegħu – hija “l-ħolma t’Alla” u għaldaqstant titlob rispett sħiħ mill-bniedem. Fuq dan it-trijumvirat (Alla-bniedem-natura) isawwar l-istħajjil poetiku tiegħu. Għax il-qawwa tal-ħidma poetika f’Buttigieg hija l-ġibda li kellu għan-natura – għal ġmiel in-natura. Kien jinħakem minnha u joffri lilu nnifsu għas-seħer kreattiv ta’ ħsibijietu. Għalih in-natura ma kinitx qiegħda hemm biex toqgħod tħares lejha, imma biex iġġarrabha u tassimilaha. Għalih ukoll in-natura tidher bħala xogħol tal-arti fiha nnifisha għax tgħaddi mill-għarbiel tal-immaġinazzjoni tiegħu u jesprimiha b’lingwa ordinarja imma emblematika (il-“ħolma t’Alla”). Joffri perspettivi differenti tan-natura, fosthom:

  • in-natura b’qawwa li tfejjaq jew isserraħ,
  • in-natura li tipprovdi xbieha jew suġġett għall-ħsieb, u
  • in-natura bħala refuġju mill-artifiċjalità taċ-ċiviltà.

In-natura tgħaqqad kollox b’mod organiku. Għalhekk fl-istħajjil tiegħu jilmaħ lill-annimali, lix-xtieli, u lill-fjuri jieħdu l-ħajja biex ikattru l-qima lill-ħolqien ta’ Sidhom:

  • il-bufula tgħanni biex tferraħ il-ħolqien (Għanja lill-Bufula);
  • id-dudu tal-ħarir jinseġ “ħjut irżini” (Għanja tad-Dudu tal-Ħarir);
  • il-kokka, li “tara kollox”, twerżaq “biex iżżomm il-lejl bin-nifs tal-ħajja/ U ma tħallihx imut” sas-sebħ (Il-Kokka);
  • il-palma tiżżeffen qisha fawwara (Il-Palma Tiegħi);
  • iċ-ċiklu naturali tax-xita huwa mezz li jkabbar ix-xitla tal-ansar avolja se jimlieha bis-semm (Ix-Xitla tal-Ansar);
  • il-ward li jdur id-dawra max-xemx mil-Lvant għall-Punent jingħata dehra sabiħa li sservi ta’ “rahan/ Ta’ ġieħ u qodos” (Il-Ward tax-Xemx);
  • ir-riħa tar-ranċis ma jegħlibha ħadd fin-natura (Ranċis);
  • u l-kampanella ssaħħar l-ambjent (Lill-Kampanella).

Mhux ta’ b’xejn li fil-poeżija tiegħu l-kampanja tidher qisha ġenna tal-art (Il-Passiġġata) u l-wied jitbierek bl-ilma ġieri (Il-Wied tal-Isperanza).

Id-dehriet tan-natura fil-poeżiji tiegħu huma kwadri mix-xenarju Malti. Huma frott tal-osservazzjoni ħerqana tiegħu mżewġa ma’ mħabbtu għan-natura. Din l-imħabba tidher fih meta jirreferi għan-natura bħala “ommna n-Natura” li “taħdem bħal lsira” biex tkabbar il-ħlejjaq u x-xtieli (Ix-Xitla tal-Ansar). U meta kien jara ħlejqa kellu ħila jidħol bl-immaġinazzjoni tiegħu fil-ħajja ta’ dik il-ħlejqa u jieħu sehem fl-eżistenza tagħha. Iħoss id-dinja tan-natura bħala dinja ħajja li tkellmu bil-ħidma karatteristika tagħha.

Il-ħsibijiet ta’ Buttigieg jitħalltu mas-sensazzjonijiet biex jinħolqu impressjonijiet ċari ta’ natura dinamika u attiva: hekk jitfisser moħħ il-poeta li jara l-qamar isir “mgħallem ta’ dejjem” għall-arti, mużika, u letteratura (Għanja lill-Qamar) u l-qawsalla ssir “L-imgħallma tal-kuluri” li biex ma titfixkilx fl-għażla tal-ilwien ħadithom f’daqqa u żewqet bihom il-qaws tagħha (L-Ilwien).

Ir-realtà

Mela, Anton Buttigieg huwa l-poeta Romantiku li jitgħaxxaq jimraħ ferrieħ bil-għana mlewwen li jogħla fil-beraħ mar-riħ (Il-Poeta). Imma jżomm saqajh mal-art għax minkejja x-xeħta Romantika tiegħu, xorta baqa’ jżomm ruħu f’kuntatt mad-dinja reali tal-bniedem minħabba li kellu interess fl-umanità u minħabba (kif għedna) li n-natura stess hija parti mir-realtà ambjentali.  

Naraw waqtiet fih meta jdaħħal lill-bniedem f’relazzjoni man-natura. Pereżempju, isemmi l-fjura li sserraħ u thenni lill-bniedem bi fweħitha (Ranċis) u juri l-ġid, il-ħlewwa, il-ħelsien, u s-sliem tal-għasfur kif jidħlu f’kuntrast maċ-ċaħdiet li l-bniedem irid iġarrab (Għanja lill-Bufula). Kien ukoll iħoss il-firda tal-mewt bħal kull bniedem ieħor (Niftakar, Bla Demgħa ta’ Biki) u jħoss saħħtu “tmut kuljum” imma jsib is-sabar fil-poeżija li tixgħellu “naqra ta’ fanal” li jtaffilu d-diqa (Il-Kebbies tal-Fanali). U minkejja l-immaġinazzjoni Romantika tiegħu xorta baqa’ fid-dinja tal-bniedem u l-avvenimenti pubbliċi tiegħu (It-Tluq tat-Truppi u Kollox bħas-Soltu, Lis-Sena l-Ġdida 1964, Innu Popolari tal-Indipendenza).

Fi kliem ieħor, kultant iwarrab lin-natura u jħares lejn iż-żmien bl-avvenimenti tal-mument: bosta drabi l-poeżija tiegħu tkun diretta imma kultant issir simbolika. Dejjem, però, tibqa’ reali, bħal meta (fi żmien li Malta kienet għadha bażi militari) jara t-tluq tat-truppi sejrin “biex iħarsu l-paċi tad-dinja” u jgħid:

Imorru t-truppi,

jiġġieldu, jċarċru demmhom,

ġrajjiet b’ittri tad-deheb

fil-paġni tal-istorja,

gzuz ta’ slaleb

fiċ-ċimiterji fl-artijiet imbiegħda,

u gzuz u gzuz ta’ romol u ta’ ltiema,

u l-Paċi terġa’

fid-djar imfarrka tal-ibliet...

(It-Tluq tat-Truppi – Kollox bħas-Soltu)

Din hija deskrizzjoni diretta tar-realtà li xorta ssawtu lill-bniedem bis-sentenza nominali tat-titlu (“Kollox bħas-Soltu”) li tidħol f’kuntrast qawwi mar-repetizzjoni ta’ “gzuz” (ta’ slaleb fiċ-ċimiterji, romol, u ltiema).

Dan il-poeta, meta jitqanqal, iserraħ fuq l-immaġinazzjoni għall-espressjoni tiegħu. Fil-ferħ tiegħu li Malta saret indipendenti jixtieq li kien pilota biex jixħet fuq l-iskrin tas-sema farka minn dak li kien qiegħed iħoss f’qalbu:

F’kopplet is-sema

ikħal bħan-nir,

kapulavur

ta’ Alla kbir,

Li kont pilota,

jien bid-duħħan

nikteb bil-pinna

tal-ajruplan:

“Indipendenza”,

u bit-twerdin

niġbed il-ħarsa

tagħkom, Maltin!

(Li Kont Pilota)

Imma ebda fantasija ma tidħol fit-tifsira tiegħu tal-Indipendenza, anzi jilmaħ “glorja u ġieħ” għal “Malta ommna” u hu u jifraħ bil-ħelsien jgħajjat f’isem il-Maltin:

Aħna nwiegħdu għaqda sħiħa

kemm fil-ġid u kemm fil-hemm;

aħna nwiegħdu ħidma sfiqa,

għalik aħna nċarċru d-demm.

(Innu Popolari tal-Indipendenza)

Fil-bidu tas-sena 1964, meta Malta kienet riesqa lejn l-Indipendenza, Buttigieg jitħasseb fuq il-futur u lis-sena l-ġdida jgħidilha:

Ah! Biegħed minna

il-għelt, il-ġlied,

id-demm bejn l-aħwa.

(Lis-Sena l-Ġdida 1964)

Irid xejriet pożittivi bħas-sabar, imħabba, għaqda, sliem, u ħelsien fost ħutu l-Maltin

U jekk, ja Sena Ġdida,

sew bħall-allat tal-qedem,

int trid id-demm

ta’ sagrifiċċju fuq l-altari tiegħek,

ħu biss lil ħajti

li qed noffrilek bit-tregħid ta’ ġismi

iżda bi spirtu mħejji.

Dan il-ħsieb huwa mnebbaħ mis-sens ta’ patrijottiżmu tal-poeta. Il-ġrajja ta’ art twelidu tqanqlu u l-poeżija ssir paġna minn djarju li turi lill-awtur bħala poeta ta’ żmienu b’rabta ma’ pajjiżu.

Privileġġ

Bħala poeta Romantiku, Anton Buttigieg iħossu “bniedem privileġġat” (Jiena Poeta) għax hekk għamlu Alla: biex iħoss “l-immensità tas-sema” u “l-immensità tan-niket” – stqarrija poetika li tmiss il-hena u s-swidija tal-ħajja umana b’lingwa sempliċi mingħajr drammatiċità. Il-paragun tal-“poeta għannej”, tal-“poeta ferrieħ” huwa ma’ “tfajjel li jagħmel il-bżieżaq (Il-Poeta): “għanjietu ħelwin” isiru l-bżieżaq li, meta jtiru fl-arja, juruh id-“dehra tas-sema” u l-ilwien tan-natura; il-poeta jifraħ jara l-poeżija tiegħu bużżieqa li timraħ fil-għoli mlewwen, ukoll meta jaf li hija fraġli u tista’ tinfaqa’ ħin bla waqt. Għax għalih “Alla ħares – /ma kinitx il-Poeżija” li tixgħellu f’qalbu “naqra ta’ fanal,/ illi jtaffi ftit id-diqa” ta’ ħajtu (Il-Kebbies tal-Fanali).

Kif għedna, Buttigieg huwa fl-aqwa tiegħu meta jimraħ bl-immaġinazzjoni fil-beraħ Romantiku ħa jfittex l-għaxqa tan-natura. Din il-ħaġa hawn min jaraha bħala ħarba li fil-kritika tissejjaħ eskejpiżmu (escapism) – sens ta’ ħarba akkumpanjat minn iżolament għax bih jinqata’ mill-ambjent tal-bniedem, u forsi għalhekk mhuwiex drammatiku fil-preżentazzjoni poetika tiegħu. It-titjira lejn il-beraħ tal-ħolqien hija l-impuls Romantiku li jwasslu lejn “l-immensità tas-sema/ iżraq u hieni” (Jiena Poeta).

Konklużjoni

Ħadd ma jista’ jagħti minn dak li m’għandux. Ħafna jqisu l-poeżija bħala awtobijografija u jekk nimxu ma’ dan il-ħsieb ikollna nikkonkludu li s-sens Romantiku ta’ ġmiel fin-natura li nsibu fil-poeżija ta’ Anton Buttigieg (l-għannej tan-natura) kien fil-verità parti minn ruħu, tant hu hekk li meta jħoss in-natura fih jgħidilna:

...erħilha qalbi tfur bil-poeżija,

sew kif l-għadira tfur bl-ilma tal-wied

li jinżel ħelu ħelu minn mal-għolja,

u toħlom b’ħafna sħab u xemx u kwiet.

(Agħtini Sema Ikħal...)

Grazzi.



[1] George Zammit, “Anton Buttigieg – Poeta Liriku” daħla għall- Qasba mar-Riħ (Freedom Press, Malta, 1967), p.iii;  Oliver Friggieri, Ir-Ruħ fil-Kelma (Klabb Kotba Maltin, Malta, 1973), p. 69; Charles Briffa, Il-Letteratura (Kullana għat-Tfal, PIN, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 2006), p.56.

[2] Ġużè Aquilina, Studji Kritiċi Letterarji (Lux Prss, Malta, 1969), p.137.

[3] Friggieri (1973) op.cit. p.69.

[4] Charles Briffa u Michael J. Schiavone, “Buttigieg, Anton” f’M.J.Schiavone, L.J.Scerri, ed., Maltese Biographies of the Twentieth Century (PIN, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 1997), p.113.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow