IMFAKKAR IL-100 ANNIVERSARJU MIT-TWELID TA’ ANTON BUTTIGIEG
Fil-Bibljoteka Nazzjonali, nhar il-Ġimgħa fil-għaxija saret kommemorazzjoni ta’ Anton Buttigieg, poeta u ex-President ta’ Malta fl-okkażjoni tal-100 anniversarju minn twelidu. Waqt din iċ-ċerimonja, il-familja tal-ex-President Buttigieg għaddiet lill-Librar Nazzjonali manuskritti tax-xogħlijiet tal-poeta kif ukoll dokumenti li Anton Buttigieg kien ġab mill-Amerika qabel l-Indipendenza.
Fis-serata saru diskorsi mill-Prof. Charles Briffa, li tkellem dwar il-poeżija ta’ Anton Buttigieg u minn Dr. John Buttigieg, iben Anton. Inqraw poeżiji tiegħu minn Charles Abela Mizzi u George Peresso, filwaqt li siltiet minn poeżiji oħra kienu drammatizzati minn erba’ atturi taħt id-direzzjoni ta’ Josette Ciappara. Kien hemm ukoll interventi mużikali minn mużiċisti mill-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun li tagħha Anton Buttigieg kien President għal bosta snin.
Is-serata għalqet b’diskors kommemorattiv mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017