STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jixtieq javza li nhar it-Tnejn, 7 ta’ Mejju, jista’ jagħti l-każ li xi pitkala jibqgħu ma jiftħux l-imħażen tagħhom fil-Pitkalija minħabba l-azzjoni li huma qed jieħdu.
Il-Ministeru, konxju mill-fatt li l-bidwi u l-prodott li huwa jkabbar għandhom jiġu ssalvagwardjati, ser ikun qed jassigura li l-Pitkalija tiftaħ fil-ħamsa ta’ filgħodu. Meta jaslu l-bdiewa bil-biegħa tagħhom dawn ser isibu l-għajnuna meħtieġa ħalli jbiegħu l-prodott tagħhom bl-inqas inkonvenjent possibbli. Il-bdiewa huma mħeġġa li jimlew il-kotba li l-Pitkalija tipprovdi ħalli jinżamm rendikont tal-bejgħ li ser ikun qed isir. Din l-informazzjoni ser tgħin ukoll sabiex jinħadem is-sussidju li kull bidwi jirċievi għall-biegħa tiegħu. Ix-xerrejja ser jitħallew jixtru mingħand il-bdiewa mit-tmienja ta’ filgħodu ‘l quddiem.
Il-bidwi għandu id-dritt ibiegħ l-biegħa tiegħu kemm fil-pitkalija u kif ukoll barra mill-Pitkalija lil terzi. Iżda jekk bidwi jagħżel li jbigħ barra mil-pitkalija lil terzi persuni, hija r-responsabilita tiegħu li jassigura li dawn it-terzi persuni jkunu bejjiegħa li huma liċenzjati biex ibiegħu bl-ingrossa jew bl-imnut minn post kummerċjali u bl-approvazzjoni u permessi neċessarji. Jekk dan ma jsirx, il-bidwi jkun qed ipoġġi ħwejġu f’riskju għax dawn il-bejjiegħa ma jkunux qed joperaw skont il-liġi.
Il-Ministeru jibqa’ dispost li jipproteġi l-interessi tal-bdiewa f’mument fejn ir-riforma tal-Pitkalija hi ntiża ħalli ġġib it-transperenza neċessarja għall-benefiċċju tal-bidwi nnifsu.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali għadu qed isostni li żieda fil-kummissjoni li l-pitkala qed jitolbu mingħand il-bidwi tiġi kkunsidrata biss wara li jsiru l-verifiki. Il-verifiki għandhom iwasslu biex ikun stabbilit jekk din it-talba hix ġustifikata jew le.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017