FESTA TAL-ĦALIB – ĦAL-GĦARGĦUR – 6 TA’ MEJJU 2012
Għat-tielet sena konsekuttiva bħala inizjattiva tal-Kampanja Naturalment Malti, il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Għargħur ser itella’ l-Festa tal-Ħalib nhar il-Ħadd 6 ta’ Mejju mill-11.30 ta’ filgħodu ’l quddiem f’Misraħ il-Knisja ta’ Ħal-Għargħur.
Parteċipanti ewlenin f’din il-Festa huma l-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib, il-Malta Dairy Products, il-Kampanja Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ħalib, il-produtturi Għawdxin tal-Ħanini u diversi produtturi tal-ġbejniet tan-nagħaġ, kemm friski, nexfin u tal-bżar, fosthom Chris Zahra, Kevin Borg u Salvu Attard. Ma jistax jonqos li f’din il-festa wieħed se jsib jixtri għażla kbira ta’ ikel frisk, xorb u ħelu kollu bbażat fuq il-ħalib. Ser ikun hemm ukoll ħelu tipikament Malti, kannoli, ġelat, mqaret, qubbajt, biskuttini, eċċ. Ma jonqsux prodotti agrikoli, pjanti, xtieli u ħwawar, u prodotti lokali oħrajn kollha marbuta mat-tradizzjoni. Ta’ Naturalment Malti ħasbu wkoll li jarmaw stands informattivi u artiġjanali fejn se jkunu qed isiru spjegazzjonijiet fuq is-snajja’ tal-filigran, tan-newl u tal-ġojjelerija magħmula bl-idejn. Dan kollu se jkun għaddej fil-qalba tal-Għargħur fi sfond ta’ divertiment kontinwu għall-gosti tal-familja kollha u li jvarja minn marċi, kant, żfin, sketches, face painting u ħafna iktar.
Proprju fil-qalba tal-attività, ta’ attrazzjoni prinċipali se tkun il-wirja tal-bhejjem tal-ħlib u spjegazzjoni fuq din is-sengħa antika u l-ħajja tar-raħħal Malti. Din il-wirja se tkun imtellgħa u koordinata mill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib. Se jitqassmu b’xejn fuljetti informattivi fuq il-ħalib. Wara nofs inhar ser isir ukoll il-ħlib tal-bhejjem fil-pjazza.
Attrazzjoni oħra interessanti u innovattiva fil-Festa tal-Ħalib ta’ din is-sena se tkun parata u wirja ta’ vetturi, armi u nies lebsin uniformijiet li jeħduna lura fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija mill-grupp Battlefront. F’dan l-isfond in-nies preżenti jistgħu wkoll jinżlu f’xelter tal-gwerra li l-Kunsill Lokali tal-Għargħur għoġbu jiftaħ għall-pubbliku matul il-Festa tal-Ħalib.
Din is-sena kull min jattendi m’għandux għalfejn joqgħod iħabbel rasu għall-parking għax se jkun hemm sistema ta’ Park and Ride mill-ex Trade Fair Grounds, in-Naxxar sal-qalba tal-attività u lura għall-prezz ta’ €1 kull persuna biss.
Naturalment Malti, li huwa sinonimu mal-promozzjoni tal-prodotti u l-produtturi lokali, qed jistinka sabiex permezz ta’ din il-festa jenfasizza l-importanza u l-benefiċċji tal-ħalib lokali u l-prodotti li ġejjin minnu filwaqt li jaħdem sabiex it-trobbija tal-bhejjem tal-ħlib, jiġifieri baqar, nagħaġ u mogħoż (sengħa tradizzjonali mill-eqdem) tibqa’ ħajja fostna l-Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017