SITT BAJJIET JINGĦATAW BLUE FLAG U TLIETA OĦRA JINGĦATAW PREMJU TA’ KWALITÀ
Pajjiżna ingħata aħbar pożittiva għas-settur turistiku hekk kif l-International Foundation for Environmental Education (FEE) tat Blue Flag lil sitt bajjiet (ħamsa f’Malta u waħda f’Għawdex) u Beach of Quality Award lil tliet bajjiet. B’hekk minn żewġ bajjiet li kellhom Blue Flag, issa pajjiżna għandu sitt bajjiet li se jkunu ċċertifikati b’dan il-premju. Anke l-bajjiet li ngħataw Beach of Quality Award żdiedu minn bajja waħda għal tlieta.
Is-sitt bajjiet li ngħataw Blue Flag huma:
- Il-Bajja tar-Riviera f’Għajn Tuffieħa
- Il-Bajja ta’ San Ġorġ
- Buġibba Perched Beach
- L-Għadira
- Qawra Point
- u r-Ramla l-Ħamra f’Għawdex
Il-bajjiet li ngħataw Beach of Quality Award huma:
- Golden Bay
- Fond Ghadir
- Ċirkewwa (il-bajja privata fil-Paradise Bay Resort Hotel)
Id-dettalji dwar dawn il-premji ngħataw mill-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco. Hu rringrazzja lill-entitjiet, organizzazzjonijiet u persuni kollha involuti biex pajjiżna irċieva dawn il-premji. Mario de Marco qal li l-Gvern ukoll għandu sehem importanti fit-titjib tal-bajjiet. Dan għaliex wieħed mill-kriterji għal premju ta’ Blue Flag huwa l-kwalità tal-ilma tal-għawm. Il-Ministru de Marco spjega li fl-aħħar erba’ snin il-Gvern investa €108 miljun fil-bini ta' impjanti għat-trattament tad-drenaġġ. B’hekk Malta hija l-ewwel pajjiż fil-Mediterran li qed jitratta d-drenaġġ kollu qabel dan jintefa’ l-baħar.
Mario de Marco qal li dawn ir-riżultati pożittivi fil-kwalita’ tal-ilma tal-għawn ġew ikkonfermati wkoll fir-rapport annwali tal-European Environment Agency lijuri li Malta għandha 95.4% tal-ilma tal-għawm li huwa ta’ kwalità tajba u fil-fatt hija t-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-aħjar kwalità tal-ilma għall-għawm.
Il-Ministru de Marco qal li l-premji Blue Flag huma importanti għas-settur turistiku għaliex it-turisti qegħdin dejjem aktar ifittxu bajjiet bi Blue Flag minħabba li qed isiru dejjem aktar konxji tal-ambjent, tal-prinċipji ta’ sostenibbilità u tal-kunċett ta’ responsible tourism. Qegħdin ukoll dejjem aktar ifittxu destinazzjonijiet bi prodott varjat minn bajjiet sbieħ u nodfa għal attivitajiet kulturali, postijiet ta’ storja u postijiet bi prodott awtentiku.
Il-Blue Flag hija eco label li tingħata lill-bajjiet li jissodisfaw erba’ kriterji prinċipali li huma
- Immaniġġjar tal-Bajja b’mod Sostenibbli,
- Saħħa u Sigurtà,
- Informazzjoni u Edukazzjoni
- Il-Kwalità tal-Ilma tal-Għawm.
Dawk il-bajjiet li jissodisfaw l-kriterji kollha b’100% jingħataw Blue Flag filwaqt li dawk li jissodisfaw (70%) tal-istandards tal-kriterji jingħataw Beach of Quality Award.
Il-ħidma biex dawn il-bajjiet jingħataw Blue Flag hija ħidma kontinwa u koordinata bejn il-Gvern, il-MTA u fondazzjonijiet bħal Gaia Foundation. L-MTA tagħmel beach management ta’ erba’ mis-sitt bajjiet li ngħataw Blue Flag filwaqt li tassisti finanzjarjament lil Gaia Foundation fl-immaniġġjar tal-Bajja tar-Riviera f’Għajn Tuffieħa u fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex. B’kollox l-MTA tinvesti madwar €700,000 f’beach management li jinkludi lifeguards, sand sifting, superviżjoni tal-bajjiet u water quality tests, fost oħrajn.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017