Left arrow Mur Lura

TNEDIJA TAL- ISTANDARDS TAX-XOGĦOL FIS-SETTUR TAL-MOTOR DAMAGE

pr1005
Date Icon 04/05/2012

Irridu standards għolja iżda li ma jeskludux lil min hu kapaċi

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina nidiet l-Istandards tax-Xogħol għal persuni li jaħdmu fil-qasam tal-assessjar tal-ħsarat fil-karrozzi li tfasslu mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki u l-Kamra Maltija tal-Assessuri tal-Karrozzi bl-għajnuna tal-GRTU.

F’diskors li għamlet waqt din it-tnedija l-Ministru Cristina qalet li dan hu pass ieħor li l-Ministeru, permezz tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, ħa biex naċċertaw li l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema tagħna jingħata l-importanza meħtieġa. 

Fil-fatt, it-tnedija ta’ dawn l-istandards hija tkomplija ta’ xogħol li diġa’ beda.  F’ Marzu tal-2010 il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Istampar kienu niedew l-istandards tax-xogħol fis-settur tal-istampar.  Minn dak iż-żmien ‘l hawn, sar ħafna xogħol f’dan il-qasam u riċentament, permezz tal-proġett Skills Plus, proġett kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, kienu anke ġew imħejjija numru ta’ standards tax-xogħol f’bosta setturi. 

Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki issa qed jaħdem ma’ diversi setturi biex jiġu żviluppati standards tax-xogħol f’kull settur tal-Industrija u dan biex niffaċilitaw aktar il-proċess li għandu jwassal biex pajjiżna jirrikonoxxi kull forma ta’ tagħlim, u dan irrespettivament minn fejn jiġi akkwistat, u għalhekk jagħraf l-għerf, il-ħiliet u l-kompetenzi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. 

Il-Ministru qalet li dawn l-istandards għandhom iservu bħala benchmark biex il-ħiliet u kompetenzi ta’ kull individwu jiġu rikonoxxuti u ċċertifikati.  Kull professjoni u mpjieg f’pajjiżna għandu jkollhom standards ta’ xogħol li jindikaw il-kompetenzi li persuna għandu jkollha fil-qasam tax-xogħol speċifiku. 

Dan kollu jindika l-impenn tal-Ministeru biex inkomplu ngħinu ħalli kull talent u kompetenza ta’ kull individwu jingħataw valur u rikonoxximent soċjali u formali.  Dawn l-istandards tax-xogħol se jservu wkoll biex inpoġġu s-settur edukattiv iktar viċin tas-suq tax-xogħol.

L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol ferm importanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta.  Pajjiż bħalma hu tagħna għandu bżonn jaħdem biex ikollna sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ li tgħina nipproduċu ħaddiema li jkunu kapaċi jaddattaw b’mod flessibbli u dinamiku għall-isfidi ta’ ekonomija globali ferm kompetittiva.  Pajjiżna jixraqlu jkollu ħaddiema b’ħiliet mill-aqwa biex inkunu kapaċi nikkompetu b’mod effettiv kemm fis-suq lokali kif ukoll fi swieq internazzjonali.  U mhux biss.  Irridu wkoll noffru opportunitajiet lil kull individwu li jasal għal karriera mixtieqa jew itejjeb il-possibilitajiet fil-karriera eżistenti, sostniet il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Il-futur ta’ kwalunkwe nazzjon jiddependi ħafna fuq l-iżvilupp tar-riżorsi umani tiegħu.  U tabilħaqq, huma l-edukazzjoni u t-taħriġ li għandu jkollhom rwol ċentrali biex din il-mira tintlaħaq.  Dan għaliex kull settur fl-industrija jeħtieġ li jkollu nies imħarrġa tajjeb li jkollhom l-għerf, ħiliet u kompetenzi adekwati għas-settur li minnu jkunu jagħmlu parti.  Mill-banda l-oħra l-istituzzjonijiet edukattivi, għandhom ifasslu programmi relevanti għall-iżvilupp tat-taħriġ rikjest mid-diversi setturi fl-Industrija.

Minħabba l-bidliet kbar u l-isfidi li ġġib magħha l-globalizzazzjoni, il-ħaddiema tagħna jridu jkunu preparati sew u jkollhom il-ħiliet u l-kompetenzi biex ikunu kreattivi u x-xogħol isir bl-aktar mod effiċjenti u preċiz.  Hu hawnhekk fejn ir-rwol ta’ kull istituzzjoni li toffri xi forma ta’ edukazzjoni u taħriġ għandu importanza kbira.  Dawn l-istituzzjonijiet għandhom jimmiraw biex jgħinu lill-individwi jkunu ppreparati bl-aħjar mod għad-dinja tax-xogħol, u fl-istess ħin joffrulhom bażi soda għall-opportunitajiet li jkomplu l-istudji biex itejbu l-karriera tagħhom.  B’hekk tista’ titkabbar l-impjegabilità għall-Maltin u l-Għawdxin. 

Il-Ministru Cristina sostniet li għandna nżommu livelli għolja fl-istandards li noħolqu għal kull industrija, irridu nkunu attenti wkoll li ma nagħmlux livelli li permezz tagħhom neskludu persuni li jkollhom biżżejjed ħiliet għall-qasam partikolari. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow