€16.5 MILJUN F’FONDI MILL-UE GĦAL 109 PROĠETTI FIT-TLIET SNIN U NOFS KEMM ILU MWAQQAF IL-MEUSAC
Fit-tliet snin u nofs kemm ilu mwaqqaf il-MEUSAC (Malta-EU Steering & Action Committee) għen biex inkisbu €16.5 miljun mill-UE sabiex jiġu implimentati proġetti ta’ Kunsilli Lokali, għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u entitajiet pubbliċi. Dan tħabbar waqt sessjoni t’informazzjoni organizzata mill-MEUSAC bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali bit-tema ‘Insaħħu l-Gvern Lokali’. Il-laqgħa saret fiċ-Ċentru tal-NGOs fix-Xewkija, Għawdex.
Minn statistika mogħtija mill-MEUSAC jirriżulta li minn Novembru 2008 sax-xahar li għadda, il-kunsilli lokali bbenefikaw minn ftit iktar minn €11-il miljun għal 72 proġett, l-NGOs setgħu jagħmlu 29 proġett bi ftit inqas minn €3.9 miljun, filwaqt li qed isiru 8 proġetti b’madwar €1.6 miljun minn entitajiet pubbliċi. Dawn il-proġetti qed isiru b’finanzjament mogħti minn diversi programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea (UE).
Fis-sessjoni t’informazzjoni, indirizzata mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said u mill-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb ingħata tagħrif dwar l-għajnuna teknika bla ħlas li tingħata mill-MEUSAC lill-kunsilli lokali u NGOs biex dawn ikunu jistgħu japplikaw għall-proġetti li jkunu jixtiequ jwettqu fil-komunità jew f’oqsma speċifiċi tas-soċjetà. Intqal kif mill-fondi kollha li ntrebħu mill-kunsilli lokali bl-għajnuna tal-MEUSAC, iktar minn terz ta’ dawn il-fondi marru għal proġetti ta’ kunsilli lokali f’Għawdex. Il-MEUSAC għandu wkoll uffiċċju f’Għawdex li minnu tingħata l-għajnuna lill-kunsilli lokali, NGOs u anke SMEs Għawdxin biex huma wkoll ikollhom iċ-ċans iwettqu inizjattivi b’fondi tal-UE.
Matul il-laqgħa saret preżentazzjoni dwar l-opportunitajiet li hemm ippjanati għall-futur, filwaqt li s-Sur Adrian Mifsud, Kap tal-Affarijiet Internazzjonali u tal-UE fi ħdan id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, tkellem dwar l-immaniġġjar finanzjarju tal-proġetti. Rappreżentant mill-Malta Institute of Management ukoll ta ħarsa lejn l-e-Learning Programme relatat mal-immaniġġjar tal-fondi fi proġetti ta’ din ix-xorta.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017