STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA
Il-Gvern impenjat li jsaħħaħ is-settur turistiku
Minkejja r-riżultati pożittivi, l-Oppożizzjoni tibqa’ aktar interessata fil-kritika milli fil-fatti. Il-Gvern m’għandu l-ebda bżonn li jilgħab bil-figuri kif allega l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Gavin Gulia. Il-figuri jitkellmu waħedhom u juru li kemm jekk wieħed jgħodd il-madwar 13,000 persuna li ġew u qagħdu Malta bħala parti mill-proċess ta’ evakwazzjoni mill-Libja, fi Frar u Marzu 2011, kif ukoll jekk dawn ma jiġux inklużi, l-2011 tibqa’ sena rekord għal pajjiżna.
Fl-2010, li kienet s-sena rekord preċedenti, ġew Malta 1,336,391 turist. Fl-2011 gew Malta 1,411,749 jekk wieħed jgħodd it-13,000 persuna li ġew u qagħdu Malta bħala parti mill-proċess ta’ evakwazzjoni jew 1,398,593 (jigifieri zieda’ ta 62,200 fuq l-2010) jekk wieħed ma jgħoddx il-persuni li qagħdu Malta minħabba l-evakwazzjoni mill-Libja. Differenza negliġibbli għall-aħħar.
Il-ħtieġa li t-13,000 persuna msemmija jiġu inklużi fl-istatistika tal-NSO ta’ nies li qagħdu Malta, li m’għamlu l-ebda differenza għall-fatt li l-2011 kienet u tibqa’ sena rekord, kien dovut għall-fatt li l-kriterji tal-Eurostat fuq liema l-istatistika tal-NSO tinħareġ, jitolbu li kull persuna li toqgħod Malta tiġi indikata fl-istatistika tagħha.
Tant il-Gvern m’għandux bżonn jilgħab bil-figuri, ħaġa li forsi mdorrija tagħmel l-Oppożizzjoni, li anke l-istess statistika tal-NSO ghax-xhur ta’ Frar u Marzu 2011 indikat dan l-istat ta’ fatt.
Huwa għajb li l-Oppożizzjoni minflok ma hija kburija mill-fatt li l-industrija tat-turiżmu ġabet sena rekord fl-2011, minkejja d-diffikultajiet kollha, inkluż il-perċezzjoni ta’ biża’ li kienet teżisti fix-xhur ta’ wara Marzu 2011 meta bdew l-interventi militari, tipprova timminimizza l-istess riżultati b’nuqqas ta’ rispett lejn l-istakeholders fl-industrija u l-ħaddiema li tant jimpenjaw ruħhom sabiex jinkisbu dawn ir-riżultati pożittivi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017