Left arrow Mur Lura

APPROVAT PROĠETT TA’ €14.5 MILJUN GĦAĊ-ĊITTADELLA TA’ GĦAWDEX

pr1000
Date Icon 03/05/2012

Proġett propost mill-Ministeru għal Għawdex għar-restawr u riabilitazzjoni tal-parti interna taċ-Ċittadella għadu kif ġie approvat mill-Kumitat tal-Għażla tal-Proġetti għal ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.

Il-proġett huwa bbażat fuq rakkomandazzjonijiet li kienu saru permezz tal-Master Plan taċ-Ċittadella li wkoll kien ġie kkummissjonat mill-Ministeru għal Għawdex f’dawn l-aħħar snin u li kien ko-finanzjat mill-Mekkaniżmi Finanzjarji tal-Area Ekonomika Ewropea (EEA Financial Mechanisms).

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, tagħat dettalji dwar dan il-proġett li ser jara xogħlijiet estensivi ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-ispazji miftuħa ġewwa ċ-Cittadella biex filwaqt li dan il-monument storiku jiġi konservat għall-futur jiġi ppreżentat bl-aħjar mod lill-eluf ta’ viżitaturi kemm barranin kif ukoll lokali li jżuru dan il-post.

Fost l-interventi ppjanati minn dan il-proġett insibu r-restawr u riabilitazzjoni ta’ ġibjun qadim biex jintuża bħala ċentru għall-viżitaturi, it-tisbieħ u restawr tal-Pjazza tal-Katidral, ir-restawr ta’ għadd ta’ faċċati ta’ binjiet storiċi, ir-riabilitazzjoni tal-foss bħala żona ta’ rikreazzjoni kif ukoll interventi ta’ preservazzjoni u preżentazzjoni aħjar tar-rovini storiċi kif ukoll l-istallazzjoni tas-servizzi kollha minn taħt l-art u pavimentar tat-toroq kollha ġewwa ċ-Ċittadella. Permezz ta’ dan il-proġett ser tiżdied l-aċċessibiltà għal partijiet taċ-Ċittadella li s’issa ma kinux daqstant aċċessibbli.

Il-Ministru għal Għawdex qalet li dan il-proġett huwa riżultat ta’ snin ta’ ħidma bil-għaqal tal-Ministeru għal Għawdex li ried li ċ-Ċittadella tingħata l-attenzjoni li tixirqilha. Hija qalet ukoll li f’dawn l-aħħar snin iċ-Ċittadella rat investiment li qatt ma rat bħalu qabel. L-ewwel pass kien il-preparazzjoni ta’ Master Plan li sewa €311,000. Bħalissa għaddej proġett li permezz tiegħu qed tiġi restawrata d-dawra sħiħa tal-fortifikazzjonijiet taċ-Ċittadella, proġett li qed ikun koordinat mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li ser jiswa €7 miljun. Issa, permezz ta’ dan il-proġett ta’ restawr ‘il ġewwa mis-swar, €14.5 miljun oħra ser ikunu investiti biex jagħtu ħajja ġdida liċ-Ċittadella.

Matul is-sena li għaddiet, il-MEPA approvat numru ta’ applikazzjonijiet relatati ma’ dan il-proġett u li ser jagħmluha possibbli li x-xogħol ikun jista’ jibda wara li jinħarġu l-offerti meħtieġa.

Dan il-proġett qed ikun ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt Programm Operattiv 1 tal-Politika ta’ Koeżjoni għas-snin 2007-2013. Jekk ix-xogħol kollu jmur kif ippjanat huwa maħsub li l-proġett jitlesta fl-2015.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow