IMĦABBAR SERVIZZ IEĦOR TAS-SAĦĦA FLIMKIEN MAL-PRIVAT
Is-servizzi ta’ emerġenza estiżi għall-isptarijiet Saint James f’Ħaż-Żabbar u Tas-Sliema
Minn għada, dawk li jkollhom bżonn servizz ta’ emerġenza jistgħu jużaw ukoll l-Isptar Saint James f’Ħaż-Żabbar u l-Isptar Saint James Capua f’Tas-Sliema, mingħajr ħlas.
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Joe Cassar ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw id-dettalji tas-servizz. Dr. Cassar qal li dan is-servizz, li qiegħed jiġi offrut b’xejn, qed isir bl-iskop li l-pazjent jinqeda f’post aktar viċin tiegħu u aktar malajr fil-ġranet li matulhom aktar pazjenti jirrikorru l-Isptar Mater Dei, ċioè bejn il-jiem tal-Ġimgħa u t-Tnejn.
Il-Ministru Cassar qal li l-istatistika turi li f’dawn il-jiem jiġu reġistrati l-akbar ammonti ta’ pazjenti fid-dipartiment tal-Emerġenza. Għalekk inħass il-bżonn li, kif kien diġà tħabbar, flimkien mal-privat, jiġi pprovdut servizz ta’ emerġenza f’postijiet oħra. Dan se jkun servizz b’xejn li huwa wkoll prova ċara li l-Gvern se jibqa’ jagħti servizzi tas-saħħa b’xejn filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-politika tal-Gvern li joħloq aktar servizzi flimkien mall-privat. Fil-fatt, sal-ġimgħa li għaddiet stess ġiet ippubblikata sejħa għall-interess sabiex is-servizz tal-artroskopija, li huma operazzjonijiet fl-irkoppa, jibda jiġi pprovdut lill-pazjent anke fill-privat. Il-Ministru qal ukoll li qabel din is-sejħa ħarġet oħra dwar servizzi ta MRI li jingħaqdu ma’ proċeduri oħrajn, bħall-operazzjonijiet tal-katarretti, li qed jiġu offruti wkoll b’xejn fil-privat.
Dr. Josie Muscat, f’isem l-Isptar Saint James qal li l-isptar hu kburi li wasal għall dan il-ftehim mad-Dipartiment tas-Saħħa biex jitwassal servizz ta’ Emerġenza li għandu jwassal biex jitnaqqas il-piż mill-Isptar Mater Dei. Hu qal li dan huwa servizz ġdid li qiegħed jiġi offrut ukoll mal-privat u li jista’ jiftaħ bibien ġodda għal aktar kooperazzjoni bejn il-Gvern u l-Privat. Dr. Muscat qal li l-isptarijiet Saint James huma attrezzati u ppreparati biex jilqgħu lill-pazjenti li se jingħataw livell għoli ta’ kura. Hu qal li l-ħidma tal-isptarijiet Saint James mhux se tiġi affettwata minn dan il-ftehim.
Is-servizz, li jibda minn għada stess, se jitwassal f’kull tmiem il-ġimgħa, mill-Ġimgħa fis-sebgħa ta’ filgħaxija, sas-sebgħa tat-Tnejn filgħodu. Filwaqt li nisa tqal, tfal u dawk li jkunu involuti f’inċidenti serji huma xorta mitluba jirrikorru l-Isptar Mater Dei, dawk li jkollhom inċidenti minuri jistgħu jagħmlu użu mis-servizzi pprovvduti fl-Isptar Saint James f’Ħaż-Żabbar, u Capua f’Tas-Sliema.
Dr. Natasha Azzopardi Muscat, Chief Medical Officer tad-Dipartiment tas-Saħħa, qalet li dan is-servizz il-ġdid mhuwiex sostizzjoni ta’ servizzi li jiġu offruti miċ-ċentri tas-saħħa, u importanti li min jiġi biex jagħmel użu minn dan is-servizz idealment ikun riferut mit-tabib tiegħu, bħal ma jiġri għall-Isptar Mater Dei.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jieħu nota tan-numru 2329 9999 li minnu jista jkollu aktar informazzjoni dwar is-servizz. Huwa importanti li wieħed iċempel fuq dan in-numru qabel ma jmur fl-isptarijiet Saint James għall-kura sabiex ikun jaf jekk jistax jieħu l-kura minn dawn l-isptarijiet.
Kull min jattendi għall-kwalunkwe servizz ta’ emerġenza għandu jieħu miegħu il-karta tal-identità, jew il-European Health Insurance Card.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017