SERVIZZ IEĦOR INNOVATTIV FL-ISPTAR MATER DEI LI JUŻA S-SĦANA BIEX JINQERED TUMUR
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Imaging Department tal-Isptar Mater Dei, il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Joe Cassar, qal li l-proċedura, li tissejjaħ Radio Frequency Ablation (RFA) hija parti mill-politika tal-Gvern għall-qasam tal-kanċer. Fil-fatt, kif jixhed il-pjan nazzjonali dwar il-kanċer, il-Gvern hu kommess li joffri l-aqwa servizz possibbli fil-ġlieda tal-kanċer. Dan qiegħed isir b’diversi metodi, fosthom anke permezz tal-għoti ta’ servizzi innovattivi bħall-RFA.
Il-Ministru Joe Cassar qal li kemm ilu li nfetaħ l-Isptar Mater Dei sar aktar faċli biex isir ftehim ma’ numru ta’ professjonisti li jagħmlu xogħol fi sptarijiet Ewropej, bl-iskop li minflok li jsiefer il-pazjent, jinġieb il-professjonist – visiting consultant – hawn Malta. Dan ikkontribwixxa wkoll biex jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa.
Dr. Cassar qal li l-RFA hija eżempju ċar ta’ dan kollu, u dan partikolarment għax qed issir ukoll minn Malti stess, Dr. Aldo Camenzuli li huwa visiting consultant radiologist mill-Aintree University Hospital, Liverpool. Il-Ministru qal li l-RFA tista’ tintuża għall-pazjenti li l-kundizzjoni ta’ saħħithom ma tippermettix li ssirilhom operazzjoni, jew fil-perjodu ta’ żmien li matulu l-pazjent ikun qiegħed jistenna li isirlu trapjant tal-fwied. L-RFA żżid ukoll il-life expectancy tal-pazjent b’madwar 12 u 18-il xahar, mingħajr ma toħloq side effects u filwaqt li tnaqqas il-bżonn ta’ chemotherapy.
Fi preżentazzjoni għall-ġurnalisti, Dr. Kenneth Saliba, Consultant Radiologist, qal li l-RFA tintuża b’mod partikolari għal tumuri fil-fwied, u tumuri li jkunu ġejjin mill-musrana l-kbira u li jkunu ta’ daqs ta’ ħames ċentimetri. Hu qal li din il-proċedura tista’ tgħin ukoll biex jitnaqqas il-bżonn ta’ chemotherapy u allura tnaqqas l-effetti relatati. Dr. Saliba qal li l-apparat li jintuża hu wieħed li jiġġenera s-sħana u li jiġġenera aktar minn mitt grad ċentigradu. Dan isir bi preċiżjoni kbira minn naħa tar-Radjoloġista u b’mod li jiġi affettwat biss it-tumur, sabiex jinħarqu ċ-ċelluli u t-tumur imut.
Il-proċedura tinvolvi l-użu ta’ CT Scan sabiex il-konsulent ikun jista’ jsegwi dak li jkun għaddej. Dr. Saliba qal li l-RFA għandha diversi vantaġġi. L-ewwel wieħed evidenti hu dak li l-proċedura ma tirrikjedix operazzjoni, u li naturalment hemm inqas side effects mill-chemotherapy, filwaqt li tnaqqas il-bżonn ta’ din it-terapija. Hu qal ukoll li l-pazjent ikun jista’ jmur id-dar l-għada li ssirlu l-proċedura, filwaqt li jekk ikun il-każ ta’ operazzjoni il-pazjent ikollu jagħmel ferm aktar żmien rikoverat l-isptar.
Dr. Saliba qal li s-sena li għaddiet il-Ministeru għas-Saħħa wassal l-approvazzjoni tiegħu biex l-RFA tibda’ tintuża anke għall-kanċer tal-kliewi, li tipikament huwa kanċer li jinsab f’pazjenti li huma avvanzati fl-eta. Dan minnu nnifsu jillimita mhux ftit il-possibilità li jsir intervent li jinvolvi operazzjoni u allura l-RFA hi adattata f’każijiet bħal dawn.
Is-Sinjura Jane Castillo, li saritilha l-RFA ftit tax-xhur ilu spjegat kif il-proċedura kienet għenitha f’mument ta’ bżonn mingħajr ma ħolqot inkonvenjenti kbar ta’ saħħa. Waqt li rrakkuntat l-esperjenza tagħha qalet li fil-fatt kienet għaddiet lejl wieħed l-isptar wara l-proċedura u ħassitha tajba biex tmur id-dar il-ġurnata ta’ wara.
Il-Ministru Joe Cassar irringrazzja lill-professjonisti kollha li jagħtu sehemhom f’dan is-servizz u sellem lill-pazjenti kollha li ġew bżonn l-RFA. Hu qal li huwa importanti li kulħadd japprezza ferm aktar il-ħidma importanti li ssir minn dawn il-professjonisti fis-skiet.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017