MESSAĠĠ MILL-MINISTRU JASON AZZOPARDI DWAR IR-RABA’ SENA ĦIDMA TAL-MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR
Għaddew erba’ snin ta’ ħidma kontinwa mill-Gvern ċentrali. Iva sibna l-ostakli, iżda dan ma waqqafniex milli nkomplu nwettqu l-wegħdiet tagħna u nħarsu l-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. F’Jannar li għadda, il-Prim Ministru għoġbu jaħtarni bħala Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żghar u l-Konsumatur. Kariga li lqajt b’umiltà kbira u b’saqajja mal-art. Żdiedet ir-responsabbiltà tal-ħarsien tal-Konsumatur, settur ferm għal qalbi u li qed naħdem b’ħilti kollha sabiex id-drittijiet tal-konsumatur ikunu mħarsa bl-aqwa mod possibli. Fl-aħħar snin ħdimna u dan ma ngħiduhx biss bil-kliem iżda bil-fatti!
Ħdimna qatiegħ u qed inkomplu naħdmu sabiex noħolqu l-aqwa ambjent possibbli sabiex in-negozji ż-żgħar tagħna jkomplu joktru, minkejja d-diffikultajiet li qatt ma rajna bħalhom madwarna u li ġiegħlu pajjiżi ikbar minna jogħtru. Minkejja dawn l-isfidi, n-negozji tagħna ma qatgħux qalbhom u komplew jinvestu f’eluf ta’ flus sabiex ikabbru l-operat tagħhom. Dan irriżulta fit-tkabbir tal-ekonomija u l-ħolqien ta’ eluf ta’ impjiegi. Wara dan il-qasam hemm għexieren ta’ eluf ta’ familji u ħaddiema. Biss biss, għandna ‘l fuq minn 63,000 negozju li għandu inqas minn għaxar impjegati, ħafna minnhom jimpjegaw minn wieħed sa ħamsa biss. In-negozji huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna u b’sodisfazzjon ninnota li matul dawn l-aħħar erba’ snin, dawn kibru, kotru, u żiedu x-xogħol għal eluf ta’ persuni. Matul dawn l-aħħar erba’ snin, huma ltaqgħu ma’ kriżi internazzjonali kiefra u qalila li qatt ma rajna bħalha u konsegwenza ta’dan, qed ikomplu ngħaddu minn mumenti ta’ sfidi partikolari. Filwaqt li pajjiżi oħra spiċċaw għarkubtejhom, milqutin bil-miżuri ta’ awsterità u tnaqqis fil-benefiċċji, f’pajjiżna mijiet ta’ kumpaniji u negozji żgħar ibbenefikaw minn għexieren ta’ miljuni ta’ Ewro mill-Fondi Regjonali tal-Unjoni Ewropea u kabbru l-operat tagħom. Żiedu ix-xogħol u ħolqu mijiet ta’ postijiet tax-xogħol ġodda. Mhux b’kumbinazzjoni li Malta għandha fost l-inqas rati ta’ qgħad fl-Ewropa.
Filwaqt li ħaddieħor għolla qatiegħ it-taxxi f’pajjiżu, fl-aħħar erba’ snin aħna tajna tax credits lin-negozji ż-żgħar tagħna. S’issa kwazi 1045 negozju bbenefika mill-MicroInvest biex bejniethom ħadu diġà kważi €6 miljuni lura fil-but f’tax credits wara li nvestew madwar €17-il miljun fin-negozji tagħhom u ħolqu madwar 247 post tax-xogħol ġdid b’din l-iskema waħidha. Waqt li f’pajjiżi oħra hemm problemi għan-negozji ż-żgħar biex dawn ikollhom aċċess għal kreditu u finanzjament, s-sena li għaddiet varajna l-Microcredit, bl-għajnuna tal-Bank għall-Investiment Ewropew, biex s’issa madwar 250 negozju diġà sselfu madwar €23miljun, u nvestew jew ser jinvestu madwar €35 miljun fi proġetti jew ta’ tkabbir jew biex jibdew in-negozju. L-iskema toffri self sa’ €500,000 b’imgħax baxx u mingħajr il-bzonn ta’ wisq garanziji li joħonqu n-negozji ż-żgħar. Mhux ta’ b’xejn li mill-pajjizi fl-Unjoni Ewropea kollha, huma l-Finlandja u Malta biss bl-aħjar rati ta’ aċċess għal finanzjament għan-negozji tagħhom. F’dawn l-aħħar ġimgħat nedejna wkoll proċess ta’ konsultazzjoni dwar proposti li jemendaw regolamenti dwar il-liċenzji tal- kummerċ. Irridu li n-negozji jinqdew malajr sabiex ikunu jistgħu jiftħu l-istabbilimenti tagħhom f’qasir żmien.
L-aħħar erba’ snin offrewli mumenti ta’ sodisfazzjon mhux żgħar meta ndirizzajna problemi kbar li ilhom jinħmew snin kbar, jekk mhux għexieren ta’ snin, fil-qasam tal-artijiet. Ħaddanna politika fejn urejna li ma nibżgħux niġġieldu l-abbuż, u fl-istess waqt kellna l-kuraġġ nindirizzaw problemi u abbużi li twieldu snin jew għexieren ta’ snin ilu. Permezz ta’ ħlas ta’ diversi miljuni ta’ Ewro lil diversi familji, fl-aħħar 4 snin aktar minn 400 familja saru sidien ta’ djarhom għall-ewwel darba wara li kienu ilhom b’konvenju mill-1981 u b’hekk saret ġustizzja mas-sidien oriġinali tal-art. Imbarkajna fuq eżerċizzju biex eluf ta’ familji f’housing estates potenzjalment isiru sidien ta’ djarhom, jekk ikunu jridu, wara li bdejna nindirizzaw problemi legali li nibtu wara l-aħħar Gwerra.
Għamilna numru kbir ta’ devoluzzjonijiet ta’ artijiet lil diversi għaqdiet u Kunsilli Lokali biex nuru li jimpurtana li naraw il-familji tagħna jgawdu iktar mill-proprjetà pubblika, sija bil-bini ta’ Ċentri Ċivici moderni u aċċessibbli, sija b’ġonna jew spazji miftuħa.
Wettaqna l-iktar emendi radikali għall-ligi tan-Nutara biex inħarsu l-pubbliku, urejna li jimpurtana mill-weġgħat ta’ min weġġa’ frott l-aġir xejn professjonali tal-ftit a skapitu tad-dinjità u reputazzjoni għolja li jgawdu l-maggoranza tan-Nutara. B’din il-ligi se nħarsu t-trasparenza, l-kontabbilità u d-dixxiplina fl-waħda mill-iktar professjonijiet nobbli u antiki f’Malta.
Il-qasam tad-drittijiet tal-konsumatur joffri sfidi li jridu jkunu indirizzati, fl-istess waqt li nħarsu l-kompetizzjoni ġusta fis-suq. F’dan il-qasam tant importanti, qed nuru u ħa nkomplu nuru li jimpurtana. Fost ix-xogħol siewi li qed nagħmlu, qed naraw li jkollna playgrounds li jagħtu serħan il-moħħ lill-ġenituri. Eżerċizzju ieħor importanti huwa r-roħs tal-prezz ta’ diversi mediċini. Fl-aħħar erba snin raħħasna xejn anqas minn 239 mediċina.
Ħarsitna qiegħda wkoll fuq il-Koperattivi li din is-sena hija ddedikata lilhom, sabiex dawn jitqiegħdu fuq sisien aktar soda u jiġġeneraw aktar impjiegi. Dan il-mudell iżewweġ flimkien l-ekonomija, s-solidarjetà u d-dinjità tal-ħaddiem.
F’dawn l-aħħar erba snin ħdimna solennement għalikom. Dejjem tajna importanza għal dak li xtaqtu taraw jiġi mwettaq. Se nkomplu naħdmu għalikom għaliex iċ-ċittadin Malti jixraqlu li jkollu negozju li jrendi, jixraqlu jinvesti fis-sod, jixraqlu jkollu dar li jista’ jħalli lil uliedu, jixraqlu l-aħjar!
Diffikultajiet hemm, mela le. Nippreferi narahom iżda, bħala sfidi u opportunitajiet biex inkomplu nuru li tassew jimpurtana.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017