Left arrow Go Back

L-AWTORITÀ TAD-DJAR IRĊEVIET AKTAR MINN 400 APPLIKAZZJONI MINN SIDIEN PRIVATI GĦALL-ISKEMA KIRI

pr0985
Date Icon 02/05/2012

Għenet aktar minn 30 NGO b’nofs miljun ewro

Permezz tal-Iskema Kiri mnedija fix-xhur li għaddew, l-Awtorità tad-Djar irċeviet aktar minn 400 applikazzjoni minn sidien ta’ djar u appartamenti privati li jridu jikruhom lill-Awtorità tad-Djar għal perjodu minimu ta’ 10 snin. Dawn il-proprjetajiet jerġgħu jinkrew mill-Awtorità lill-klijenti tagħha.

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said ħabbar li din l-iskema diġà kienet suċċess u għaldaqstant il-Gvern u l-Awtorità tad-Djar ħassew li għandha tiġi estiża b’mod indefinit. Ir-regolamenti se jkunu irfinuti sabiex il-proċess tal-applikazzjoni jkun simplifikat, filwaqt li l-iskema issa se tkun miftuħa wkoll għal postijiet ġebel u saqaf.  F’każ li l-Awtorità tad-Djar issib li l-postijiet ikunu tajbin, is-sidien jingħataw perjodu ta’ żmien ċans sabiex ilestu x-xogħlijiet b’tali mod li jkunu jistgħu jinkrew.

Is-sidien jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ taxxa vantaġġjuża ħafna ta’ 5% flok ir-rata massima normali ta’ 35%. Jistgħu wkoll iserrħu moħħhom dwar kera assigurata għal għaxar snin u dwar l-istabbiltà finanzjarja tal-kerrejja tagħhom, li hija l-istess Awtorità tad-Djar.

Il-Ministru Chris Said kien qed jitkellem waqt attività li matulha tqassmu għotjiet finanzjarji lil numru ta’ NGOs li jipprovdu servizz ta’ għixien semi-indipendenti lil persuni vulnerabbli. Hu qal li fis-snin li għaddew, l-Awtorità tad-Djar għenet lil madwar 30 NGO permezz ta’ għajnuna finanzjarja li tammonta għal nofs miljun ewro. Din is-sena l-Awtorità tad-Djar qed tgħin finanzjarjament lil seba’ NGOs li jipprovdu servizz ta’ akkomodazzjoni lil persuni vulnerabbli.  Din l-għajnuna finanzjarja, li tammonta għal €67,000 u li qed tingħata taħt l-iskema ‘Għixien Semi-Indipendenti’, trid tintuża sabiex isiru xogħlijiet ta’ titjib infrastrutturali fir-residenzi pprovduti.

L-NGOs li qed igawdu minn din l-għajnuna huma Dar Merħba Bik, il-Hospice Movement, il-Fondazzjoni Lejn Ħajja Indipendenti, Dar San Ġużepp, Richmond Foundation, Caritas Malta u Fondazzjoni Wens. Erba’ minn dawn l-NGOs irċevew l-għotjiet finanzjarji waqt żjara li l-Ministru Chris Said u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Albert Buttiġieġ għamlu f’Dar San Ġużepp f’Santa Venera fejn ix-xogħlijiet jinsabu fi stadju avvanzat ħafna.

L-għan ewlieni tal-għixien semi-indipendenti hu li l-individwi jkunu megħjuna jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom biex bil-mod il-mod jitgħallmu u jidraw jgħixu għal rashom. Din it-tip ta’ akkomodazzjoni u s-servizz offrut minn dawn l-NGOs jippermettu lir-residenti jgħixu fi privatezza u b’mod indipendenti iżda b’aċċess għall-għajnuna u għall-appoġġ neċessarju biex jintegraw ruħhom aħjar fil-komunità.

Il-Ministru Chris Said qal li l-Awtorità tad-Djar għandha r-rwol kruċjali li tassisti persuni vulnerabbli fis-soċjetà li jkollhom problemi dwar akkomodazzjoni. Bejn l-2008 u l-2011, madwar 12,000 familja jew individwu gawdew minn waħda mill-iskemi tal-Awtorità tad-Djar. L-aktar skema popolari kienet dik tas-sussidju fuq il-kera tant li fl-erba’ snin li għaddew gawdew minnha 5,288 ruħ. Permezz ta’ din l-iskema jingħata sa massimu ta’ elf ewro fis-sena lill-applikanti li huma l-kerrejja rikonoxxuti. Matul l-istess perjodu kienu allokati 507 postijiet tal-Gvern.

L-Awtorità tad-Djar għandha 17-il skema differenti maħsuba biex jgħinu kategoriji differenti ta’ nies fis-soċjetà Maltija – minn koppji żgħażagħ li qed ifittxu li jakkwistaw l-ewwel proprjetà tagħhom għal persuni vulnerabbli minħabba xi diżabilità; minn persuni li kienu fi djar tat-tfal jew fostered sa oħrajn li kellhom esperjenza ta’ vjolenza domestika; minn familji li għandhom aktar minn ħames membri sa persuni li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni jew ħarġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Albert Buttigieg qal li dawn l-għotjiet huma turija oħra li l-għan aħħari tal-Awtorità huwa dak soċjali li tgħin u tagħti appoġġ lil dawk il-persuni vulnerabbli li għaddew minn esperjenzi iebsa fil-ħajja ħalli jkunu jistgħu jintegraw bil-mod il-mod fil-komunità. B’dan il-mod l-Awtorità qed tgħin biex tibni soċjetà aktar umana u tajba. L-Awtorità tad-Djar qed tagħmel minn kollox biex tkun viċin dawk il-persuni li jinħtieġu appoġġ filwaqt li tagħtihom l-għajnuna meħtieġa, tħeġġighom biex ikunu jistgħu jqumu fuq riġlejhom u jerġgħu jsiru attivi.

Sadanittant għal iktar informazzjoni dwar l-Iskema Kiri wieħed jista’ jċempel lill-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar fuq 22991000 jew idħol fis-sit elettroniku http://www.skemakiri.com

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow