IMĦABBRA ATTIVITÀ GĦALL-FAMILJA KOLLHA – ‘MOVE FOR HEALTH’
Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qiegħed iħeġġeġ lill-familji biex jingħaqdu f’attività intiża biex tippromwovi l-attività fiżika. Waqt il-preżentazzjoni tal-attività, il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar spjega kif l-idea hi dik li jiġu promossi attivitajiet li jistgħu jsiru minn kulħadd mingħajr il-bżonn ta’ ħlas. Hu qal li huwa importanti li nżommu f’moħħna li l-attività fiżika hi investiment f’saħħitna u meta wieħed jieħu ħsieb saħħtu ikun ukoll qiegħed jinvesti fi stat ta’ saħħa mentali aħjar. Dan għaliex il-persuna tkun aktar kuntenta għax tħossha f’saħħitha.
Il-Ministru stieden lill-familji biex nhar il-Ħadd li ġej jingħaqdu ma’ professjonisti mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard li se jkunu preżenti għall-attività sabiex jagħtu pariri differenti dwar kif wieħed jista’ jagħmel eżerċizzji sempliċi li permezz tagħhom iżomm ruħu aktar f’saħħtu. L-attività se toffri għażla ta’ mixja, dawra bir-rota u / jew sessjoni ta’ Zumba.
Dawk li jixtiequ jimxu huma mistiedna li jiltaqgħu quddiem il-Ministeru għas-Saħħa, fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, il-Ħadd fit-3.30pm. Minn hemm se jitilqu għal mixja ta’ madwar erba’ kilometri. Dawk li jixtiequ jingħaqdu maċ-ċiklisti se jiltaqgħu l-Ħadd fit-3.30pm, fis-Saqqajja, ir-Rabat (triq it-Tiġrija). Minn hemm se jitilqu għal rotta ta’ madwar 15-il kilometru.
Kemm il-mixja, kif ukoll id-dawra bir-rota se jiġu fi tmiemhom fil-Marsa Sports Grounds fejn ser tkun għaddejja l-Maratona ta’ Puttinu Cares. Hemm imbgħad ser issir sessjoni ta’ Zumba flimkien ma’ dawk kollha preżenti.
Dr. Charmaine Gauci, Direttriċi tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, ħeġġet lil kulħadd biex jattenti u jipparteċipa f’din l-attività li hija ideali għall-familja kollha. Hi qalet li l-isem tal-attività ġie meħud minn inizjattiva li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tieħu matul dan iż-żmien, fejn kull pajjiż jiġi mħeġġeġ biex jagħmel attività li tippromwovi l-attivita fiżika. Dr. Gauci fakkret li l-aħjar mod kif wieħed jipprevjeni l-mard hu propju billi jżomm ruħu attiv u li jkollu stil ħajja li tippromwovi s-saħħa. Hi qalet li kulħadd jista’ jmur jagħmel mixja qasira kuljum, u li tgħin ukoll biex persuna tnaqqas xi ftit mill-piż.
Filwaqt li l-parteċipazzjoni hija b’xejn, dawk kollha li jipparteċipaw se jagħmlu sessjoni ta’ warm up flimkien ma’ professjonisti tal-Malta Association of Physiotherapists. Il-parteċipanti se jingħataw ilma u frott wara l-attività filwaqt li se jkunu akkumpanjati minn vannijiet li jistgħu jintużaw f’każ li wieħed jgħejja qabel ma jasal fid-destinazzjoni.
Il-Kumpanija Arriva se tipprovdi trasport b’xejn mill-Marsa sabiex twassal lill-parteċipanti lura lejn ir-Rabat jew il-Belt. Dawk kollha li jixtiequ aktar informazzjoni jew għandhom bżonn it-trasport jistgħu jċemplu fuq 2326 6000. Huwa importanti li kull min se jieħu sehem bir-rota jġib helmet.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017