MESSAĠĠ MILL-MINISTRU MARIO DE MARCO DWAR IR-RABA’ SENA ĦIDMA TAL-MINISTERU TAT-TURIŻMU, L-KULTURA U L-AMBJENT
Turiżmu
It-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent huma tliet setturi importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna li jiġġenneraw il-kummerċ, joħolqu l-impjiegi u jsostnu l-identità tagħna. Fis-settur turistiku f’dawn l-aħħar ħames snin kellna erba’ snin rekord. Rajna kif it-turiżmu tela’ minn 1.2 miljun turist għal 1.4 miljun turist is-sena li għaddiet. Rajna anke kif fl-aħħar snin, id-dħul fl-ekonomija ta’ pajjiżna żdied minn 900 miljun għal 1,240 miljun is-sena li għaddiet. Dan ifisser ukoll aktar xogħol għalina l-Maltin u l-Għawdxin. Rajna kif l-operaturi turistiċi liċenzjati mal-MTA żdiedu minn 4,200 għal 5,300 f’temp ta’ erba’ snin. Ovvjament magħhom żdiedu ukoll l-impjiegi għall-Maltin u l-Għawdxin.
Anke fil-qasam tal-cruise liners in-numru ta’ passiġġieri li ġew f’pajjiżna telgħu għal 560,000 is-sena li għaddiet li wkoll kienet sena rekord. Dan ukoll ifisser iktar xogħol għal diversi operaturi involuti f’dan il-qasam.
Dawn ir-riżultati huma frott tal-istrateġija tal-Gvern ibbażata fuq tliet pilastri li huma t-tisħiħ tal-aċċessibilità, l-investiment fil-promozzjoni ta’ pajjiżna barra minn xtutna u l-investiment fil-prodott turistiku.
Kultura
Il-Kultura għandha rwol importanti fit-tisħiħ tas-soċjetà, fl-ekonomija u fis-sostenibbilità ta’ pajjiżna. Meta ninvestu fil-kultura, inkunu qed insaħħu l-identità tagħna, l-edukazzjoni u setturi relatati bħat-turiżmu u l-ambjent, kif ukoll insaħħu l-kompettività u l-ħolqien tal-impjiegi marbuta mas-settur.
Il-Gvern jgħaraf l-importanza li s-settur kulturali u kreattiv għandu għal pajjiżna. Illum nistgħu nitkellmu f’termini ekonomiċi wkoll għal dan is-settur. Dan għaliex l-attività kulturali u kreattiva topera madwar tlett elef intrapriża li qed jimpjegaw madwar 7500 persuna.
F’Lulju li għadda, nedejna l-Politika Kulturali Nazzjonali. Il-viżjoni tal-Politika Kulturali timmira lejn tkabbir tas-settur u tgħaraf l-importanza tal-proġett tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.
Fl-aħħar snin il-Gvern nieda wkoll l-proġett dwar l-Ekonomija tal-Kreattività li qed jikwantifika l-kontribut tas-settur kulturali lejn l-ekonomija ta’ pajjżina għax nemmnu li m’aħniex qed nisussidjaw il-kultura imma qed ninvestu fil-kultura għaliex il-kultura toffri ħolqien tal-kreattività u tikkontribwixxi lejn it-tisħiħ tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Ambjent
Qed inkomplu naħdmu biex insaħħu s-settur ambjentali għaliex ngħarrfu li dan huwa settur importanti għat-tisħiħ ekonomiku, id-dehra ta’ pajjiżna u għas-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fil-bidu ta’ din is-sena, nedejna l-Politika Nazzjonali tal-Ambjent li tiġbor fiha ‘l fuq minn 200 inizjattiva li jagħtu direzzjoni lil dan is-settur. Fl-aħħar ġimgħat nedejna diversi dokumenti u strateġiji li jiffukaw fuq aspetti differenti tal-Politika Nazzjonali tal-Ambjent. Dawn jinkludu White Paper fuq Neighbourhood Noise, l-Objettivi tal-Gvern għall-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp u Strateġija Nazzjonali u Pjan ta’ Azzjoni għall-Biodiversità. Dawn il-policies ġew imfassla filwaqt li qed tkompli titwettaq riforma fil-MEPA immirata lejn it-tisħiħ fil-konsistenza, l-effiċenzja, il-kontabilità u l-infurzar. Sadanittant, fil-Parlament qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Att għall-iŻvilupp Sostenibbli biex insaħħu dan l-aspett ambjentali, ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.
Konklużjoni
L-aħħar sena kienet waħda impenjativa fl-oqsma tat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent. Din il-ħidma wasslet għal riżultati pożittivi li fl-aħħarnett jissarfu f’ekonomija iktar b’saħħitha, il-ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol u kwalità ta’ ħajja aħjar għal kull wieħed u waħda minnha. Se nibqgħu impenjati biex ngħelbu l-isfidi, noħolqu l-opportunitajiet u nibnu fuq il-ħidma li wettaqna fl-aħħar snin, għal ġid tagħna bħala poplu u għall-ġid ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017